Il-Golden Girl tagħlaq 98 sena

Betty White. Ritratt: David Shankbone

Waħda mill-aktar sitkoms popolari ta’ kull żmien bla dubju hija The Golden Girkls u proprju llum, is-17 ta’ Jannar, l-unika protagonista li għadha ħajja qed tiċċelebra għeluq sninha. Fil-fatt Betty White llum qed tagħlaq 98 sena. Kienet twieldet bħal-lum fl-1922.

Għal dan il-jum speċjali l-attriċi li għadha attiva fil-films u t-televiżjoni sal-lum, biħsiebha tħeji festin fid-dar tagħha li għalih se jattendu  l-eqreb ħbieb tagħha kif ukoll ittlett ulied ta’ l-eks żewġha Alan Ludden: David, (71 sena); Martha, (70 sena); u Sarah, (68 sena).

Betty bħal-lum 5 snin ilu meta għalqet 93 sena. Ritratt: Mark Davis

L-attriċi torganizza dan il-festin kull sena u dejjem tiċċajta li tistenna li l-idolu tagħha, l-attur Robert Redford se jmur iħabbtilha l-bieb.

The Golden Girls: Estelle Getty; Rue McClanahan; Beatrice Arthur u Betty White

White għandha karriera ta’ aktar minn 70 sena u apparti l-karattru ta’ Rose Nylund f’The Golden Girls, ħadmet ukoll f’The Mary Tyler Moore Show, Hot in Cleveland u anki The Bold & The Beautiful.

Tul is-snin rebħet xejn inqas minn tmien unuri waqt l-Emmy Awards, l-Oscar tat-televiżjoni Amerikana.