Il-GO tħassar il-festin tal-Milied tal-impjegati minħabba ħsara fis-servizz

Il-Kumpanija GO lbieraħ ħassret il-festin tal-Milied tal-impjegati tagħha minħabba ħsara fis-servizz.

Fi stqarrija lbieraħ filgħaxija, il-kumpanija infurmat lill-klijenti kollha li s-servizz reġa’ beda ġej għan-normal. Spjegat li sofriet ħsarat fil-konnessjonijiet internazzjonali tagħha li ħalla impatt kbier fuq is-servizz tal-internet u ċerti servizzi relatati man-negozju.

Il-kumpanija qalet li l-inġiniera tagħha, kif ukoll l-imsieħba tal-kumpanija barra minn Malta, ħadmu bla waqfien sabiex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-iqsar żmien.

Propju lbieraħ, il-kumpanija kienet ħabbret li se tagħlaq ftit aktar kmieni mis-soltu minħabba l-festin tal-Milied għall-impjegati. Sostniet li minkejja dan, il-klijenti jiġu l-ewwel u għalhekk ħassret il-festin tal-impjegati. L-ikel u x-xorb kollu li kien ordnat għall-festin ingħata “lil dawk l-iżjed fil-bżonn”.

Il-ħidma tal-GO kompliet għaddejja matul il-lejl sabiex taċċerta li s-servizz jiġi lura għan-normal.