Il-Ġnus Maqgħuda tinvestiga l-aħħar massakru fis-Sirja

Il-Ġnus Maqgħuda trid tiċċara mill-aktar fis possibli l-akkużi li qed jagħmlu r-ribelli Sirjani, li qed jallegaw li r-reġim ta’ Assad uża kimika fatali biex toqtol lin-nies ċivili. 

Membri tal-Oppożizzjoni qed jgħidu li aktar minn 1,000 persuna, il-maġġoranza nisa u tfal, inqatlu mill-armata wara li kmieni lbieraħ ġew sparati missili b’kimika fuq il-periferiji tal-kapitali Damasku. L-argument tagħhom hu li ma jistax ikun li ħafna nies inqatlu mingħajr ma għandhom sinjali ta’ demm jew feriti.

Iktar minn 35 pajjiż talbu lill-Ġnus Maqgħuda biex tiftaħ investigazzjoni dwar dawn l-attroċitajiet.

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin ħa pożizzjoni ċara f’din il-kwistjoni.  Qal li jekk dawn l-attakki kimiċi jiġu kkonfermati, allura l-komunità internazzjonali għandha ssaħħaħ il-preżenza tagħha fis-Sirja.

L-Ambaxxatriċi Amerikana Samantha Power qalet li “l-affarijiet kollha li qed isiru fis-Sirja huma tal-biża u … u min hu responsabbli mill-attakki għandu jispiċċa maqful f’ċella”.

Skont il-Wall Street Journal, l-Istati Uniti għandhom f’idejhom informazzjoni li tindika li l-armata Sirjana verament sparat missili kimiċi.