In-Nazzjonijiet Magħquda twissi dwar kriżi globali fis-saħħa mentali

Reuters

Read in English.

Kriżi ta’ saħħa mentali kapaċi tolqot miljuni ta’ nies madwar id-dinja minħabba mard, imwiet li qed jisfurzaw lil ħafna nies jgħixu f’iżolament b’riskju ta’ faqar u ansjetà minħabba l-pandemija COVID-19, skond esperti tas-saħħa tal-Ġnus Magħquda.

“L-iżolament, il-biża’, l-inċertezza u t-taqlib ekonomiku jistgħu jikkawżaw inkwiet psikoloġiku,” qalet Devora Kestel, direttur tad-dipartiment dwar is-saħħa mentali ta’ l-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Hija w tippreżenta rapport tal-Ġnus Magħquda dwar COVID-19 u s-saħħa mentali, Kestel qalet li teżisti l-possibiltà li jkun hemm żieda fl-għdd u fis-severità ta’ saħħa mentali u li l-gvernijiet imisshom jagħtu dan, l-akbar prijorità fil-mod kif jikkumbattu ‘l din il-pandemija.

“Is-saħħa mentali u dik fiżika ta’ soċjetajiet sħaħ sofrew impatt kbir b’din il-kriżi u dawn issa saru prijoritajiet li jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti,” qalet Kestel lill-ġurnalisti waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.

Ir-rapport jirreferi għal diversi reġjuni u sezzjonijiet tas-soċjetà li jinsabu vulnerabbli għal problemi mentali – fosthom tfal u żgħażagħ iżolati minn sħabhom ta’ l-iskola, ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa li qed jaraw eluf ta’ pazjenti li qed jimirdu jew imutu minħabba l-coronavirus.

Studji u stħarriġ li diġa bdew ħerġin, qed juru l-impatt li COVID-19 qed ikollha fuq is-saħħa mentali madwar id-dinja. Psikologi qed jgħidu li t-tfal qed ikunu anzjużi u f’diversi pajjiżi kien hemm żieda ta’ nies b’dipressjoni jew ansjetà. 

Filwaqt li kien hemm ukoll żieda ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika, ħafna ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa qed ikollhom bżonn ta’ iżjed għajnuna psikoloġika.

Il-ġimgħa li għaddiet Reuters irrappurtat minn intervisti ma’ tobba u infermiera fl-Istati Uniti li qalu li jew huma jew il-kollegi tagħhom batew minn esperjenzi ta’ paniku, ansjetà, niket, ngħas, irritabilità, nuqqas ta’ rqad u ħolm ikraħ.

Barra mis-settur tas-saħħa, ir-rapport tal-WHO qal li ħafna nies huma mdejqin mill-impatti immedjati fuq is-saħħa u l-konsegwenzi tal-iżolament fiżiku, filwaqt li ħafna oħrajn qed jibżgħu mill-infezzjoni, li jistgħu imutu jew li jitilfu xi membru tal-familja. 

Miljuni ta’ nies qed jiffaċċjaw taqlib ekonomiku, li tilfu jew li jistgħu jitilfu xogħolhom. Ħafna informazzjoni żbaljata u xnigħat frekwenti dwar il-pandemija kif ukoll l-inċertezza dwar kemm din is-sitwazzjoni se jdumu, qed iġġiegħel lil ħafna nies iħossuhom ansjużi u bla tama dwar il-futur. 

Mir-rapport joħorġu diversi punti ta ’azzjoni għal dawk li jfasslu l-politika biex ifittxu li “jnaqqsu t-tbatija immensa fost mijiet ta’ miljuni ta’ nies u jtaffu l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi fit-tul fuq is-soċjetà.” 

Dawn il-punti jinkludu rimedju għall-investiment żgħir li dejjem sar fil-qasam tas-servizzi psikoloġiċi, li jitwasslu servizzi dwar saħħa mentali permezz ta’ terapiji remoti bħal tele-counselling għal ħaddiema tas-saħħa, li jkun hemm ħidma pro-attiva ma’ nies li diġa huma magħrufa li għandhom dipressjoni u ansjetà, kif ukoll ma’ dawk f’riskju għoli ta’ vjolenza domestika jew faqar akut.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn