Il-GNA fil-Libja ffukata li tipproteġi lil Tripli – Il-Ministru għall-Intern

REUTERS/Ismail Zitouny

Read in English.

Il-gvern rikonoxxut internazzjonalment tal-Libja qed jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-għedewwa tiegħu, filwaqt li jipprova joħroġhom ‘il barra mil-linja tal-artillerija ta’ Tripoli wara li dawn il-ġimgħa l-oħra avvanzaw fuq il-front ewlieni tal-punent, qal il-Ministru għall-Intern.

Jekk il-forzi tal-kmandant Khalifa Haftar jinħarġu mill-belt ta’ Tarhouna, li tinstab fix-xlokk tal-belt kapitali, dan jista’ jfisser it-tmiem għall-ġwerra ċivili tal-Libja, qal il-Ministru Fathi Bashagha waqt intervista bit-telefon ma’ Reuters.

Fil-kliem ta’ Bashagha, din tista’ tkun ‘l-aktar bażi militari diffiċli’ f’dan il-mument fil-ġlieda tal-gvern tal-GNA (Government of National Accord) kontra l-armata ta’ Haftar, li jmezzi lil LNA (Libyan National Army), fil-lvant tal-pajjiż.

“Aħna issa qed niffukaw kompletament biex nipproteġu lil Tripli u lin-nies ta’ Tripoli filwaqt li nżommu l-bombardament bl-artillerija ‘l bogħod minnhom,” huwa qal.

Matul konferenza stampa li saret aktar tard nhar l-Erbgħa fi Tripoli, Bashagha qal li kien hemm rapporti inizjali li ntużaw armi kimiċi kontra l-forzi tal-GNA, iżda hu kien qed jistenna aktar dettalji. 

Il-belt ta’ Tarhouna, li hija mdawwra bil-muntanji, hija ċ-ċentru strateġiku tal-LNA fil-punent, u n-nies minn din il-belt qed jipparteċipaw f’din il-kampanja ta’ ġlied, li hija dipendenti fuq appoġġ mill-ajru li qed jingħata minn kuntratturi militari mill-Emirati Għarab Magħquda u mir-Russja.

Forzi li jappġġaw lill-GNA l-ġimgħa l-oħra avvanzaw fuq il-fronti prinċipali fil-punent tal-Libja, u rebħu lura territorju tul il-kosta, u wara avvanzaw fuq il-bażi ewlenija ta’ sapport tal-LNA f’Tarhouna, 65 km (45 mil) barra mill-kapitali.

Dan possibbilment jimmarka żvilupp importanti fil-ġlieda li ilha għaddejja għal din l-aħħar sena bejn il-GNA u l-LNA, meta f’April tal-2019 din tal-aħħar bdiet attakk biex taħtaf il-belt ta’ Tripoli, u ilha tibbumbardja lill-kapitali għal dawn l-aħħar ġimgħat. 

Il-forzi tal-LNA diġà jikkontrollaw il-lvant tal-Libja, fejn amministrazzjoni rivali għall-GNA tigverna f’Benghazi, u parti kbira mill-punent tal-pajjiż. Madankollu l-istituzzjonijiet ewlenin tal-Libja, inkluż il-kumpanija taż-żejt u l-bank ċentrali, huma bbażati fi Tripoli. 

L-istrateġija globali tal-GNA hija li terġa’ tikseb il-kontroll fuq il-punent tal-Libja, qal Bashagha. Hu kompla jgħid li ma kien hemm l-ebda soluzzjoni militari possibbli biex jintemm il-kunflitt, iżda minn naħa l-oħra lanqas negozjati ma’ Haftar ma kienu possibilità reali. 

“Fir-rigward ta’ Tarhouna, din hija l-aktar bażi militari diffiċli fl-attakk tagħna, għax din hija l-punt ewlieni u ċentrali (għal LNA). Jekk jirnexxielna nidħlu f’Tarhouna, aħna nemmnu li dan jista’ jkun it-tmiem tal-gwerra, għaliex l-ebda belt oħra (fil-punent tal-Libja) ma tista’ titqies bħala punt fejn jiltaqgħu l-forzi ta’ Haftar,” qal Bashagha. 

Sforzi diplomatiċi biex terġa’ tinkiseb il-paċi fir-reġjun spiċċaw fix-xejn, u l-mibgħut speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu f’Marzu minħabba raġunijiet ta’ saħħa. 

Din is-sena l-appoġġ militari mit-Turkija lill-GNA kien element kruċjali fl-aħħar avvanzi li għamlet din il-parti, speċjalment bl-għajnuna ta’ difiża mill-ajru u drones. 

Il-missjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Libja nhar it-Tlieta ddikjarat li mill-anqas 3,100 tilfu djarhom f’Tarhouna u fil-belt viċina ta’ Qarabouli li hija amministrata mill-forzi tal-GNA, din il-ġimgħa hekk kif il-ġlied kompla jiżdied. 

Xhieda f’Qasr bin Ghashir, belt oħra fil-punent tal-Libja li hija taħt idejn l-LNA, qalu li l-bumbardamenti kienu qatlu tmien persuni f’dan il-post.