Il-ġlieda kontra ż-żwiġijiet sfurzati għandha ssir bl-edukazzjoni – Zammit Dimech

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li hemm bżonn l-edukazzjoni, l-għoti tas-setgħa lill-mara, u servizzi għall-vittmi jekk trid tissaħħaħ il-ġlieda kontra żwiġijiet sfurzati.
Zammit Dimech qal dan wara vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew (PE) fil-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI). Zammit Dimech ivvota kontra r-rapport finali peress li jsejjaħ għall-aċċess għall-abort. Qal li jibqa’ favur proposti li jsaħħu l-ġlieda kontra żwiġijiet sfurzati.
Zammit Dimech saħaq li ż-żwiġijiet sfurzati jolqtu lill-bniet u subien u li dan imur kontra d-drittijiet fundamentali u d-dinjità tat-tfal. Qal li hija forma ta’ vjolenza.
Saħaq li l-Unjoni Ewropea (UE) għandha tilgħab rwol importanti fil-ġlieda kontra dawn il-prattiċi ħżiena.
Talab lil-UE u lill-istati membri biex jaħdmu mal-aworitajiet kompetenti u biex ikun provdut taħriġ u assistenza teknika sabiex tkun adottata u infurzata leġiżlazzjoni li tipprojbixxi żwiġijiet bikrija u sfurzati.