Il-ġlieda għat-titlu nhar is-Sibt

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol ħabbret li d-decider bejn il-Belt u l-Ħibs se tkun qed tintlagħab nhar is-Sibt, 4 ta’ Mejju fl-04:30pm, fl-Istadju Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Il-Belt u l-Ħibs spiċċaw il-kampjonat ta’ din is-sena fil-quċċata tal-klassifika bi 58 punt kulwieħed. B’hekk skont Artiklu numru 35 tar-regolamenti dwar il-kompetizzjonijiet organizzati mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-futbol, kellha tiġi organizzata logħba biex tiddeċiedi min se jkun ir-rebbieħ tal-kampjonat 2018/19.

Konsegwenza ta’ dan, saru xi tibdiliet fil-logħob mill-kwarti tal-finali tal-FA Trophy li kellhom jintlagħbu l-Ġimgħa u s-Sibt. Dan il-logħob tmexxa għall-11 u t-12 ta’ Mejju, bil-finali tintlagħab fit-18 ta’ Mejju.