“Il-ġlieda biex jitneħħa l-AĠ qed tħalli l-frott” – Delia fuq l-arrest ta’ Schembri

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-ġlieda biex jitneħħa Dr Peter Grech minn Avukat Ġenerali qiegħda tħalli l-frott, issa li ġie arrestat Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Delia qal li huwa evidenti li bħall-eks Kummissarju tal-Pulizija, Dr Grech kien spiċċa “pupazz tal-Gvern Laburista.”

Fi stqarrija maħruġa waranofsinhar, il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dawk kollha li serqu lil Malta issa għandhom iħallsu ta’ għemilhom.

Illum Keith Schembri ġie arrestat b’rabta mal-inkjesta li saret fuq talba ta’ Simon Busuttil fuq tixħim marbut mal-bejgħ tal-passaporti Maltin. Karl Cini u Brian Tonna minn Nexia BT kienu qegħdin jiġu interrogati mill-pulizija wkoll. Ilbieraħ, b’ordni tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, l-assi ta’ dawn kollha, tal-kumpaniji tagħhom u ta’ nies qrib tagħhom ġew friżati.

Fl-istqarrija Delia qal li Dr Peter Grech kien qed jostakola l-liġi, l-istess kif għamel meta ma riedx jagħti lil Delia kopja tal-inkjesta maġisterjali fuq il-kumpanija Egrant. Ladarba Delia ngħata kopja, huwa ressaq denunzja lill-Pulizija biex Karl Cini jiġi investigat għax fil-fehma tiegħu, ir-rapport wera li Cini u sħabu kellhom jiġu investigati.

Delia insista li dejjem kien kontra l-bejgħ tal-passaporti, anke qabel ma daħal għall-politika. Skontu, din hi skema li “tipperikola r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li l-poplu Malti xeba’ mill-paroli, il-ħabi u l-gideb. Huwa appella lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlija u ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Hu wegħedhom li fid-deċiżjonijiet tagħhom se jsibu l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista.