“Il-gladjatur tiegħi tilef it-tarka u sab il-ġwienaħ” – missier Alfie

Mietet it-tarbija Alfie Evans ftit jiem biss wara li tneħħitilha l-għajnuna tal-magni fi sptar fl-Ingilterra.
Iċ-ċkejken Alfie ta’ 23 xahar kien fil-qalba ta’ battalja legali u kellu kundizzjoni deġenerattiva f’moħħu.
Matul il-lejl li għadda, missieru kiteb fuq Facebook “Il-gladjatur tiegħi tilef it-tarka u sab il-ġwienaħ. Qalbi masquma għal kollox”.
Il-ġenituri ta’ Alfie tilfu l-battalja legali tagħhom fil-Qorti Suprema li ħalliet lill-isptar iwaqqfulu l-għajnuna tal-magni wara li kien ilu sena jiddependi fuqhom fi sptar f’Liverpool fl-Ingilterra.
Il-kampanja li għamlu l-ġenituri tat-tarbija ġibdet attenzjoni sħiħa fuq il-midja soċjali fejn kellhom xi jgħidu mat-tobba dwar it-trattament mediku ta’ binhom. Huma riedu jsiefru lil binhom għal trattament differenti fl-Italja iżda din it-talba ġiet rifjutata mit-tobba Ingliżi għax sostnew li din ma kinitx fl-interess tat-tarbija.
It-tobba ta’ Liverpool baqgħu isostni li l-iscans mediċi kollha juru kundizzjoni deġenerattiva u li trattament bil-magni mhux biss kien għalxejn, iżda wkoll inuman fuq it-tarbija.
Il-battalja fil-qorti damet għaddejja mal-erba’ xhur fejn il-missier saħaq li ibnu kien “ħabsi” fl-isptar.