Il-Ġiżwiti jappellaw biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra x-xogħol prekarju

Iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja tal-Giżwiti appella lill-Gvern biex jiġġieled kontra x-xogħol prekarju filwaqt li jibqa’ jwettaq strateġija biex ix-xogħol irendi tassew.
Waqt li sostna li l-faqar għandu diversi dimensjonijiet, saħaq li għalxejn isiru sforzi biex jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol jekk l-opportunitajiet ta’ xogħol ma jkunux adegwati u stabbli, u jekk dawk ma jipprovdux introjtu li jagħti livell ta’ għajxien xieraq.
Iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja tal-Ġiżwiti qal dan fir-reazzjoni tiegħu għad-Dokument ta’ Qabel il-Baġit.
Spjega li waqt li jilqa’ b’soddisfazjon l-għan tal-Gvern li joħloq opportunitajiet mhux dipendenzi, m’għandux jingħata x’wieħed jifhem li min ma jaħdimx u jiddependi fuq il-benefiċċji soċjali hu għażżien li qiegħed fis-sitwazzjoni tiegħu b’għażla.
Spjega li l-frodi li jsofri l-Gvern fejn jidħlu l-benefiċċji soċjali mhux kontributorji, kull sena, hu ta’ 2%. Dan ifisser li l-parti l-kbira b’mod assolut mhix qed tabbuża imma qed tieħu dak li hu tagħha bi dritt.
Iċ-Ċentru saħaq li dejjem se jkun hemm persentaġġ tal-popolazzjoni li ġenwinament ma jistgħux ikunu attivi fis-suq tax-xogħol, fosthom dawk li għandhom mard, diżabilità jew problemi ta’ saħħa mentali. Għalhekk dawn m’għandhomx ikunu mġegħla jħossuhom ħatja.
Iċ-Ċentru rrimarka li d-Dokument ta’ Qabel il-Baġit ma jsemmix is-sitwazzjoni ta’ dawk li jaħdmu imma xorta qed jgħixu fil-faqar; u r-realtà li qed jgħixu l-immigranti, dawk li qed ifittxu l-ażil u r-refuġjati li jinsabu f’riskju għoli ta’ sfruttament fuq il-post tax-xogħol.