Il-Ġiżwita Fr Carlos Riudavets Montes maqtul fil-Perù

Il-patri Ġiżwita maqtul fil-Peru

Patri missjunarju Ġiżwita Spanjol li kien jaħdem fost il-popli indiġeni fir-reġjun tal-Amażonja fil-Perù, instab maqtul fil-bidu ta’ din il-ġimgħa.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News qalet li l-ġisem ta’ Fr Carlos Riudavets Montes insab b’idejh marbuta u b’diversi daqqiet ta’ sikkina, fil-kċina tal-iskola Valentin Salequi li kien imexxi fid-distrett ta’ Yamakai-entsa fil-ġungla tal-Amażonja fil-provinċja ta’ Bagua.

Il-ġisem tal-patri induna bih il-kok tal-iskola li qal li ma kien hemm xejn nieqes u allura d-delitt ma sarx bi skop ta’ serq.

Il-provinċja Ġiżwita tal-Perù kkonfermat il-qtil ta’ Fr Riudavets. “Irridu nesprimu n-niket tagħna għall-qtil ta’ Fr Carlos Riudavets,” qalet il-provinċja fi stqarrija qasira.

Fr Victor Hugo Miranda, kelliem għall-provinċja tal-Ġiżwiti fil-Perù qal li huma kienu mħassba b’dak li seħħ u qed jistennew aktar informazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż dwar dan id-delitt.

Filwaqt li kkundanna kull forma ta’ vjolenza, Fr Miranda qal li l-ġiżwiti Peruvjani huma kburin bil-ħidma li wettaq fil-missjoni Fr Riudaverts li kellu 73 sena u li l-iskola tiegħu kienet tipprovdi edukazzjoni lit-tfal tal-grupp indiġenu Yamakai-Entsa fejn hu kien ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 38 sena.

Il-kok li sab lill-patri mejjet qal li dan l-aħħar Fr Riudaverts kien mhedded minn student li kien sospiż mill-iskola. Il-Pulzija qalu li qed jinvestigaw dan il-qtil.

Il-Konferenza Episkopali tal-Peru appellat lill-awtoritajiet biex jiċċaraw dak li ġara u jarrestaw lil min kien responsabbli għall-qtil.

In-netwerk Ekkleżjastiku tal-Amażonja nnota li Fr Riudavest kien maħbub ħafna mill-poplu fejn kien jaħdem partikolarment mill-Awajun-Wampis. Hu se jħalli warajh legat ta’ impenn, responsabbiltà u mħabba għall-popli indiġeni.