Il-Girl Guides jitgħallmu dwar it-traffikar uman

    DOI - Kevin Abela

    Il-Malta Girl Guides ingħataw taħriġ dwar it-traffikar uman.

    Fi stqarrija, is-Segretarjat għaċ-Ċittadinanza qal li organizza sessjoni ta’ taħriġ dwar it-traffikar uman għall-girl guides. It-taħriġ sar bħala parti mill-inizjattivi li qed jittellgħu matul il-kampanja edukattiva dwar it-traffikar uman: ‘Uman, bħalek’.

    Il-Malta Girl Guides nediet badge ġdida bit-tema tal-istess kampanja dwar it-traffikar tal-bnedmin. Din il-badge tkun tista’ tiġi ppremjata lil dawk il-membri li jirċievu dan it-taħriġ fil-futur.

    It-taħriġ kien maqsum f’żewġ partijiet prinċipali li ffukaw fuq forom differenti ta’ traffikar uman u fuq is-sinjali li juru li persuna tista’ tkun sfat vittma ta’ dan ir-reat. Iċ-Chief Commissioner tal-Malta Girl Guides Claire Duff iddeskriviet il-kontenut tal-programm bħala għodda li biha wieħed jista’ jagħraf sitwazzjonijiet perikolużi u fejn idur għall-għajnuna.

    It-taħriġ ġie pprovdut minn Dr Lara Dimitrijevic, avukat li taħdem fil-qrib ma’ vittmi tat-traffikar uman u direttur tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa.