Il-ġirien jistgħu japplikaw għal rapport tal-Perit imħallas mill-iżviluppatur

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) ħabbret skema li permezz tagħha l-ġirien ta’ sit tal-kostruzzjoni jistgħu japplikaw għal rapport minn perit tal-għażla tagħhom dwar l-iżvilupp li jkun se jsir fejn id-dar tagħhom. Ir-rapport imbagħad jitħallas mill-iżviluppatur bl-irċevuta fiskali.

L-iskema jisimha “Safer Neighbourhood Scheme” u qed issir biex tippromwovi d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-ġirien u l-iżviluppaturi kif ukoll biex jitħaddnu prattiki tajbin bejn dawk fl-industrija tal-kostruzzjoni u dawk li joqogħdu f’binja viċin sit ta’ kostruzzjoni.

L-MDA ħabbret dan f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President tal-MDA Sandro Chetcuti, mid-Direttur Ġenerali tal-MDA Marthese Portelli u mill-Viċi President Denice Micallef Xuereb.

Qalu li l-iskema se tgħin ukoll lil dawk il-każijiet fejn terza persuna ma tistax taffordja tħallas lill-Perit peress li l-iżviluppatur se jklun qed jintalab jibgħat l-ammont li għandu jitħallas lill-Perit mal-preżentazzjoni tal-invoice fiskali.

Portelli qalet li filwaqt li l-membri kollha tal-MDA se jkunu parti minn din l-iskema, hija appella lil dawk li mhumix membri biex jadottaw din is-sistema għall-ġid tal-industrija.