Il-Ġimgħa Mqaddsa ma’ RTK 103FM u Newsbook.com.mt

Tul il-Ġimgħa Mqaddsa, RTK 103FMNewsbook.com.mt qed joffru lill-udjenzi tagħhom programmi u stejjer li jixhdu l-ħajja tal-lum, ħajja mimlija sagrifiċċji, daqqa kbar, oħra żgħar, kif ukoll mimlija tama u ottimiżmu.
It-Triq lejn il-Qawmien 
Għal kull nisrani, il-ġrajja tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu hija waħda ta’ dieqa u ferħ. Dieqa – għax meta tara minn xiex għadda Ġesù, Alla magħmul bniedem, fi tbatijiet u umiljazzjonijet, ftit huma dawk, jemmnu jew ma jemmnux, li jistgħu jibqgħu indifferenti. Iżda l-ġrajja mhix tal-Passjoni – il-ġrajja hija dik tal-Qawmien. L-Għid huwa kbir mhux għax Kristu bata għalina imma għax Kristu, fost il-mexxejja kollha li qatt eżistew, kien Dak li qam mill-mewt.
B’kitba u produzzjoni ta’ Sylvana Debono, nhar il-Ġimgħa l-Kbira, RTK 103FM se jxandar programm speċjali li jibda minn kmieni filgħodu bl-isem ‘It-Triq lejn il-Qawmien’. Dan il-programm jieħu l-14-il stazzjon tal-Via Sagra u jżewwaqhom b’mużika, esperjenzi umani, letteratura u meditazzjoni. 
L-idea għal dan ix-xogħol nibtet minn kmieni din is-sena meta waqt il-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti Follow Up u Newsline, kif ukoll fuq il-portal Newsbook.com.mt, bdew jixxandru stejjer ta’ nies li jkunu għaddew minn fażijiet ebsin f’ħajjithom u kif dawn affrontaw id-diffikultajiet tagħhom. Intervisti li wħud minnhom diffiċli anke biex tagħmilhom u tismagħhom, aħseb u ara li tgħixhom: bniedem li jrid ibiddel ħajtu ta’ taħt fuq għax is-sieħeb infettah bl-HIV, persuna li rnexxiela titlef 80Kg, oħra li tagħti ħinha lir-refuġjati wara li għamlet żmien twil twarrabhom, dik li kienet ilha tistenna tarbija u meta kellha, twieldet b’diżabbiltà. Il-lista hija twila u tqila.
“Illum m’intix se ssib bniedem li jkun imsallab, bħalma kien Kristu”, qalet Sylvana Debono, Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt u RTK 103FM. “Imma dak li tliet darbiet f’ġimgħa jrid jagħmel magna tal-kliewi, mhux purgatorju? Jew min irid jgħix fuq dieta ta’ pinnoli, dak mhux il-Golgota tal-lum qed iterraq?”. 
Iżda minn dawn kollha joħroġ ukoll messaġġ ta’ tama, ta’ fejda, ir-raġġ ta’ dawl li ġġib magħha l-fidi. Fost il-mużika li se nisimgħu, se jkun hemm siltiet klassiċi bħall-Via Crucis ta’ Franz Lizst, silitet moderni minn Malta kif ukoll minn gruppi bħal Hillsong u minn Taizé. Il-meditazzjoni nkitbet imsejsa fuq il-ħsibijiet tal-Papa Benedittu XVI u ntgħażlu wkoll poeżiji minn poeti magħrufa bħal Karmenu Vassallo u Rużar Briffa.
Funzjonijiet – tismagħhom u tarahom 
RTK 103FMNewsbook.com.mt se jestendu s-servizzi tagħhom għall-Ġimgħa Mqaddsa billi jxandru wkoll “Ħsibijiet”, eżerċizzi spiritwali minn Fr Anthony Fitzpatrick, qabel l-aħbarijiet ta’ nofsinhar u tas-6pm. 
Nhar Ħamis ix-Xirka, kemm fuq RTK 103FM kif ukoll live fuq Newsbook.com.mt, se tixxandar il-funzjoni tat-tberik taż-żjut, u filgħaxija bl-istess mod tixxandar il-funzjoni tal-ħasil tas-saqajn. Dawn wieħed jista’ jismagħhom fuq RTK 103FM kif ukoll jarahom fuq Newsbook.com.mt.
Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, minbarra l-programm “It-Triq lejn il-Qawmien”, se jixxandar ukoll dramm tal-passjoni bi produzzjoni u direzzjoni ta’ Joe Brincat. Fit-3pm inxandru "L-Adorazzjoni tas-Salib", segwita mill-purċissjoni taż-Żejtun. Din is-sena qed ningħaqdu mal-Każin tal-Banda Beland biex il-purċissjoni nxandruha b’mod awdjoviżiv. 
Sibt il-Għid, imbagħad, ikollna repetizzjoni tal-programm “It-Triq lejn il-Qawmien” u tad-dramm tal-passjoni u filgħaxija nxandru wkoll il-funzjoni tad-dawl. Nhar l-Għid imbagħad, ikollna Quddiesa speċjali minn Għawdex.
Fuq il-Mejda… 
Newsbook.com.mt ħaseb ukoll għal dawk li huma dilettanti tal-wirjiet li jsiru matul dawn il-jiem. Vari kbar, żgħar, tal-injam, fuħħar, ġibs, stil Malti jew aktar tradizzjonali, pitturi bil-melħ, xogħol tal-ganutell, dan kollu parti mit-tradizzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. Newsbook.com.mt għandu sezzjoni speċjali għal min jixtieq li juri xogħlu f’dawn il-forom artistiċi differenti. Agħfas fuq dan il-link bit.ly/40Jum

Artiklu li deher ukoll fuq il-magażin ‘Il-Gwida’ għal din il-ġimgħa