Il-Ġimgħa l-Kbira: Riflessjoni, talb u skiet

Il-Knisja Kattolika llum qed tfakkar Jum il-Ġimgħa l-Kbira: il-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Bi tħejjija għal dan il-jum li jkompli jqarribna lejn l-Għid il-Kbir, il-knejjes kollha żarmaw l-artal maġġuri. Minflok intrama l-artal tar-repożizzjoni magħruf bħala s-sepulkru, fejn is-Sagrament ikun espost għall-qima tan-nies.  Ħafna huma dawk li bħal dalgħodu jkomplu l-visti quddiem is-Sepulkru, li skont it-tradizzjoni jibdew isiru minn Ħamis ix-Xirka.
Bħal-lum ma ssirx quddiesa u l-funzjonijiet fil-knejjes jikkonċentraw madwar is-salib imqaddes, bil-qniepen tal-knejjes jibqgħu siekta sal-quddiesa tal-Qawmien.
Ir-rakkont tal-Passjoni f’din il-liturġija tkun skont San Ġwann, u magħha jkun hemm l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.
Fit-3.30pm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej li fiha ssir l-adorazzjoni u l-bews tas-Salib.
Wara l-funzjonijiet, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex tibda l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fejn jinħarġu l-vari bil-parteċipazzjoni ta’ eluf ta’ nies fosthom reffiegħa, oħrajn li jilbsu ta' personalitajiet Bibbliċi, fratellanzi, membri tal-iscouts u baned.
Il-Knisja f’Malta avżat li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kollha tul il-Ġimgħa Mqaddsa se jkunu qed jixxandru diretti fuq iċ-channel tal-Knisja f’Malta fuq Youtube kif ukoll fuq Newsbook.com.mt.
Fid-9.15pm, il-Kap tal-Knisja Kattolika se jmexxi l-Via Crucis fl-inħawi tal-Kolossew ta’ Ruma, purċissjoni li tfakkar l-14-il stazzjon tal-passjoni ta’ Ġesù. Il-Papa Franġisku jaqra ħsieb ta’ meditazzjoni f’diversi lingwi.