Il-Ġimgħa jsir il-funeral ta’ Lisa Marie Zahra

Nhar il-Ġimgħa li ġej, Lisa Marie Zahra, it-tfajla li nstabet taħt l-irdum ta’ Ħad-Dingli f’Jum San Ġużepp, se tingħata l-aħħar tislima fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar, fis-Santwarju tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

Oriġinarjament il-funeral ta’ Lisa kellu jsir nhar is-Sibt li għadda iżda l-Qorti ordnat biex il-katavru jinżamm għall-iktar investigazzjoni.  Iz-ziju tat-tfajla Winston Zahra, fuq Facebook irringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu sapport lill-familja.

B’rabta ma’ din it-traġedja, il-Pulizija qed tinvestiga liż-żagħżugħ ta’ 23 sena li fil-ħin tal-inċident kien mat-tfajla fuq l-irdum u ttella’ ħaj minn Ħad-Dingli. Minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu, Tanti, li kien ukoll l-għalliem ta’ Lisa, qed jinżamm taħt osservazzjoni f’Mater Dei.

Biex tkun tista’ tiċċara l-fatti, il-Pulizija qed tinvestiga wkoll l-aħħar messaġġi li ħallew iż-żewġ żgħażagħ lill-qraba.