Il-ġimgħa d-dieħla naraw id-dmugħ ta’ San Lawrenz

Mill-ġimgħa d-dieħla fis-sema se jibdew jidhru l-meteoriti magħrufa bħala d-dmugħ ta’ San Lawrenz.
Dawn il-meteoriti ingħataw dan l-isem għaliex kull sena jfeġġu fis-sema bejn l-ewwel u t-tieni ġimgħa ta’ Awwissu qrib tal-festa ta’ San Lawrenz fl-10 ta’ Awwissu.
Fl-astronomija dawn il-meteoriti jisimhom Perseid u huma l-bċejjeċ li baqgħu mill-kometa, Swift-Tuttle.
Huwa mistenni li l-iżjed jum li wieħed jista’ jara bl-aktar mod ċar dawn il-meteoriti se jkun nhar it-Tlieta li ġej.
Aktar minn 100 meteorita se jintlemħu fis-sema.
Din is-sena, eżattament fl-10 ta’ Awwissu, apparti d-dmugħ ta’ San Lawrenz se jkun hemm avveniment astronomiku ieħor li jinvolvi l-qamar.
Dak inhar tal-Ħadd, se jkun hawn supermoon, li jfisser li l-qamar se jkun qed jidher daqs 14% ikbar mis-soltu u 30% iktar jiddi minn meta jkun qamar kwinta.
L-aħħar darba li l-qamar kien supermoon kien fl-24 ta’ Lulju li għadda.