Il-ġimgħa d-dieħla jiftħu mill-ġdid iċ-ċentri reġjonali

servizz.gov

Mill-ġimgħa d-dieħla se jerġgħu jiftħu ċ-ċentri reġjonali u dawk speċjalizzati ta’ servizz.gov wara waqfa ta’ xahrejn minħabba l-imxija ta’ Covid-19.

Iċ-ċentri reġjonali eżistenti ta’ servizz.gov li se jinfetħu huma ta’ Ħal Qormi, il-Birgu u l-Qawra, filwaqt li dawk speċjalizzati huma Taxpayer Service servizz.gov u edu servizz.gov.

Iċ-ċentri ta’ servizz.gov se jirduppjaw, peress li l-Uffiċċji Distrettali tas-Sigurtà Soċjali se jiġu taħt it-tmexxija tal-aġenzija servizz.gov. Dawn huma tal-Ħamrun, iż-Żejtun, il-Mosta, Ħaż-Żabbar, iż-Żurrieq, in-Naxxar u l-Fgura.

Il-Ħamrun, iż-Żejtun, il-Mosta, Ħaż-Żabbar, iż-Żurrieq u l-Qawra se jiftħu kuljum mit-Tnejn sas-Sibt mit-8am sas-2pm u l-Erbgħa filgħaxija mill-4.30pm sas-7pm. Ħal Qormi u l-Birgu se jiftħu erba’ darbiet fil-ġimgħa, jiġifieri nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ħamis u s-Sibt mit-8am sas-1pm u l-Erbgħa mill-4.30pm sas-7pm, filwaqt li n-Naxxar u l-Fgura se jiftħu nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa mit-8am sa nofsinhar u l-Erbgħa filgħaxija mill-4.30pm sas-7pm.

Ġimagħtejn wara jkomplu jiftħu aktar ċentri, biex b’hekk sal-bidu ta’ Lulju ċ-ċentri ta’ servizz.gov ikunu ttripplaw.

Sadattant, servizz.gov se jibqa’ joffri assistenza dwar servizzi governattivi permezz tal-mezzi varji tiegħu, fosthom Freephone 153, il-one-stop-shop online www.servizz.gov.mt, l-indirizz elettroniku servizz@gov.mt u maltapps, li hija l-mobile app ewlenija li tospita servizzi mill-mobile.