“Il-ġilda tiegħi xierfa biżżejjed” – Joseph Muscat; Il-PN iwieġeb

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddedika l-ewwel parti kbira mid-diskors tiegħu tal-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista biex jisħaq li hu qed jgħid il-verità u li ma għandu xejn x’jaħbi.
“Il-ġilda tiegħi xierfa biżżejjed biex taqla’ dan l-attakk u tibqa’ soda,” saħaq Dr Muscat. “Minn din l-istorja ta’ gideb u xewk se toħroġ warda li se tagħmilna aktar b’saħħitna minn qabel.
Il-Mexxej Laburista ħalef li se jkompli jgħid il-verità u li se jissaħħaħ waqt li għamel tiegħu l-għajta Nazzjonalista “is-sewwa jirbaħ żgur.”
Tkellem dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni, mingħajr qatt ma semma ismu, u qal li dan qed jibbaża l-proġett politiku tiegħu fuq "gibda oxxena." Saħaq li nhar il-Ġimgħa, Simon Busuttil qered “il-kredibilità li kien fadallu.
"Simon Busuttil riesaq lejn il-falliment politiku tiegħu" 
Dr Muscat saħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsab riesaq lejn il-fallilment politiku tiegħu u li se jagħmel protesta fuq “xi ħaġa sekondarja.”
Temm din il-parti tad-diskors billi nsista li qatt ma kellu rieda akbar minn dik ta’ issa biex imexxi dak li jsejjaħlu bħala moviment.
Minn għada se jaħdmu t-turbini kollha tal-powerstation tal-gass
Minn dan għadda biex jitkellem fuq il-ħidma tal-Gvern u ħabbar li għada se tkun “ġurnata storika” għall-pajjiż għax mhux se jibqa’ jintuża l-heavy fuel oil u minn għada se jibdew jaħdmu t-turbini kollha tal-powerstation tal-gass.
Il-Mexxej Laburista saħaq ukoll li “aktar kmieni minn dak mistenni,” il-pajjiż se jkollu interconnector mal-Italja u “l-vapur ikun jista’ jsalpa ‘il barra darba għal dejjem.”
Il-PM jwiegħed li jħassar għal kollox il-faqar mill-pajjiż
Tkellem fuq il-ġid li ħoloq dan il-Gvern u kif il-Maltin u l-Għawdin kollha għandhom €80 miljun aktar fil-but, l-aktar bit-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tnaqqis tat-taxxa u ż-żieda fil-pensjonijiet.
Il-Prim Ministru fakkar dak żvelat din il-ġimgħa, jiġifieri li l-faqar naqas bin-nofs. Iżda insista li fadal 19,000 persuna fil-faqar u wiegħed li fi snin li ġejjin il-faqar se jkun tneħħa għal kollox kif tneħħa d-dejn tal-pajjiż meta għall-ewwel darba f’għexieren tas-snin kien irreġistrat surplus fil-baġit tal-Gvern.
"Fil-jiem li ġejjin se nħabbru investiment ieħor li se joħloq mijiet ta' impjiegi"
Dwar ix-xogħol qal li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jħabbar investiment ieħor ġdid li se jżid “mijiet” ta’ postijiet tax-xogħol. Żied li l-Gvern se jkun qed jindirizza wkoll lil dawk li jaħdmu mal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-privat biex kulħadd ikollu paga ugwali.
Se jibda proċess biex il-gwardjani lokali jgħaddu f'idejn il-Gvern
Ħabbar ukoll li se jibda l-proċess biex il-gwardjani lokali ma jibqgħux ħaddiema tal-privat imma jgħaddu f’idejn il-Gvern u jkun iffurmat dipartiment għalihom.
Wiegħed li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jonqos it-traffiku u jtejjeb it-trasport pubbliku waqt li ta lista ta’ proġetti infrastrutturali li għamel dan il-Gvern fosthom Triq il-Kosta u l-Kappara.
"Għadna nofs triq u fadlilna ħafna xi nwettqu"
Il-Prim Ministru nsista li fuq kollox li l-Gvern se jaħdem biex il-ġid tal-pajjiż jwassal għal progress sostenibbli li minnu jgawdi kulħadd, biex il-ħaddiema jkollhom aktar spazju għall-ħajja tal-familja u li jipproteġi wkoll il-qasam ambjentali li fi kliemu il-Gvern seta’ kien aktar sensibbli lejh.
Temm billi qal li l-moviment tiegħu għadu b’saħħtu, li ma għandux bżonn koalizzjonijiet li joħolqu inċertezzi. Insista li l-Gvern għadu nofs triq u fadallu ħafna xi jwettaq u ħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad miegħu il-Belt fl-1 ta’ Mejju. 
Il-Partit Nazzjonalista jirreaġixxi b'sentenza waħda
B'reazzjoni għal dan id-diskors, il-Partit Nazzjonalista bagħat stqarrija ta' sentenza waħda: "Għada se jinkixef il-monument tal-korruzzjoni ta' Joseph Muscat."