“Ċemplitilna tgħid ‘Qatlu Pulizija’” – Spettur

Habta

Illum fid-9am bdiet tinstema’ x-xhieda dwar il-każ tal-Pulizija Simon Schembri, li fil-15 ta’ Mejju li għadda ttajjar u ġie mkaxkar għal diversi metri minn żagħżugħ ta’ 17-il sena li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil.
“Ċemplitilna tgħid ‘Qatlu Pulizija’” – Spettur
L-Ispettur tal-Pulizija Fabian Fleri spjega li propju sekondi wara l-inċident bdew jirċievu numru kbir ta’ telefonati ta’ xhieda li raw lill-Pulizija jitkaxkar mill-karozza.
Fosthom tfajla li qaltilhom li xi ħadd kien qatel pulizija.
Spjega li Schembri waqqaf lill-akkużat għax ma kienx liebes ċinturin tas-sigurtà. Huwa staqsieh sabiex jurih id-dokumenti u ż-żagħżugħ qallu li ma kienux fuqu. Spjega li kien hawnhekk meta ż-żagħżugħ saq għal fuqu u kaxkru mal-400 metru.
Kompla jgħid kif Schembri nstab wiċċu ’l fuq u kien għadu konxju ta’ dak kollu li kien għaddej madwaru.
L-Ispettur spjega kif l-akkużat pprova jaħrab min fuq il-post billi dar bil-handbrake, madanakollu dan wasslu biex jiskiddja u jidħol ġo ħajt.
Spjega li kien hawn meta ż-żagħżugħ ħareġ mill-karozza u pprova jaħrab minn fuq il-post iżda ġie arrestat mill-Pulizija.
Il-Pulizija kompla jgħid kif l-akkużat instab ukoll li kellu għoddod tad-droga kif ukoll mus. Instab ukoll li ż-żagħżugħ ma kienx fis-sakra.
Waqt l-interrogazzjonijiet li għamlulu l-Pulizija, ħareġ li ż-żagħżugħ kien xtara l-pjanċi tal-karozza mingħand xi ħadd li kien jaf għal €10.
Intqal li l-akkużat kien passiv għall-mistoqsijiet li saqsewh il-Pulizija fl-interrogazzjoni. Hu wieġeb biss li kien qed jgħix f’garaxx f’Ħal Tarxien u staqsa għall-kundizzjoni tal-Pulizija li ‘tajjar’.
“Il-ġilda kważi tqaxxret kompletament” – Tabib dwar Schembri 
Tabib mid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei qal, quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, li bil-mod kif tkaxkar Schembri mil-karozza il-ġilda kważi tqaxxritlu kompletament.
It-tabib kompla jgħid li l-ġrieħi li sofra f’idu kienu tant gravi li spiċċa tilifha.
Sostna wkoll li bit-tkaxkira tqattawlu wkoll il-ħwejjeġ protettivi.
Quddiem il-maġistrat, it-tabib irrakkonta kif il-ġrieħi li sofra l-Pulizija tat-traffiku kienu fost l-għar li qatt ra. Sostna li li kieku ma ngħatax trattament immedjat kien imut mill-ewwel.