“Kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu” – L-Arċisqof

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna qal li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu.
Waqt l-omelija tal-Quddiesa Pontifikali li saret nhar il-Ħadd filgħodu, l-Arċisqof irrefera għad-diskors li għamel nhar is-Sibt il-Papa Franġisku fl-Eġittu, fejn matulha tkellem dwar seba tentazzjonijiet li jaffaċjaw il-kleru u r-reliġjużi, u li, qal l-Arċisqof, japplikaw għal kulħadd.
Waħda minn dawn it-tentazzjonijiet li semma l-Papa u li rrefera għaliha l-Arċisqof hi dik dwar responsabbiltà. L-Arċisqof indirizza lill-awtoritajiet ċivili u lil kull min għandu responsabbiltà, u filwaqt li għamlilhom kuraġġ, fakkarhom li mhux il-mument li ngergru, imma li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jwettaqha mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.
Tkellem ukoll dwar it-tentazzjoni tal-individwaliżmu, fejn persuna minflok taħseb fl-oħrajn, taħseb biss fiha nfisha mingħajr ebda mistħija, u anzi, tiġġustifika lilha nfisha.
Saħaq li “L-individwaliżmu hu raġuni ta’ skandlu u tilwin. U jiena ngħid li dan il-kliem jgħodd ukoll għas-soċjetà, għax is-soċjetà hi wkoll komunità fejn it-tbatija ta’ wieħed hi t-tbatija ta’ kulħadd, u hekk għandha tkun!” Qal li l-ġid ta’ wieħed għandu jkun għall-ġid komuni u mhux għall-interess personali.
L-Arċisqof Charles Scicluna tkellem ukoll dwar it-tentazzjoni li twassal biex persuna twebbes qalbha u tħossha superjuri, tentazzjoni li kienet komuni sa mill-bidu fost id-dixxipli. Sostna li “Kontra dan il-velenu li inti tfittex il-poter biex tinqeda inti, mhux biex taqdi, hemm il-kliem: ‘jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun il-qaddej ta’ kulħadd.’”
Is-seba u l-aħħar tentazzjoni li kkwota l-Arċisqof mid-diskors tal-Papa hi t-tentazzjoni li nimxu bla boxxja u bla destinazzjoni. Filwaqt li indirizza lill-poplu Malti, l-Arċisqof saqsa “X’boxxla għandna, x’destinazzjoni rridu nieħdu? Il-profitt akkost ta’ kollox? Il-qerda tal-ambjent akkost ta’ kollox, biex ikun hemm ftit panpaluni jkomplu jibnu u jixxaħxu bil-miljuni? Din hi d-destinazzjoni tagħna?”
L-Arċisqof temm l-omelija tiegħu billi talab għall-interċessjoni ta’ San Pubbliju, “biex aħna jkollna d-dawl u l-għaqal, għax inkella, bħalma jgħid il-Papa, ‘jekk aħna nitilfu l-boxxla, jekk aħna ma nibqgħux nemmnu fil-kmandamenti tal-Mulej, allura se nitkissru, se nkissru lilna nfusna u lil xulxin.’”
Ritratti: Ian Noel Pace