Il-ġeru tiegħek iggradwa?

Il-maġġoranza tal-problemi ta’ mġiba tal-klieb jistgħu jiġu ndirizzati fl-ewwel 16-il ġimgħa fil-ħajja ta’ ġeru.
Dogs Trust Malta u SPCA spjegaw kif dak li huwa magħruf bħala l-“Puppy Plan” għandu jingħata l-importanza xierqa għaliex dan il-programm jindirizza fost l-oħrajn il-biża’ tal-klieb min-nies li jiġu d-dar, biża’ mil-ħsejjes, u anzjetà relatata ma’ separazzjoni.
Dogs Trust Malta u SPCA qed jingħaqdu flimkien sabiex persuni li jkunu interessati jakkwistaw xi ġeru, ikunu jafu x’għandhom jistaqsu lil min ikun qed itihom il-ġeru.
Il-“Puppy Plan” huwa programm ta’ soċjaliżazzjoni u tidrija għall-ewwel 16-il ġimgħa fil-ħajja tal-ġriewi li jsegwi l-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tal-ġriewi. Dan jintroduċi ħsejjes, elementi viżwali, kif ukoll stimulazzjoni fiżika u soċjali b’mod komprensiv.
Tnediet ukoll offerta li permezz tagħha, il-klieb li jkunu ggradwaw minn dan il-“Puppy Plan” jingħataw sena b’xejn ta’ assigurazzjoni għall-ġeru tagħhom.
Persuni interessati jistgħu jirreġistraw l-interess tagħhom billi jidħlu fuq www.dogtrainingmadeeasy.org/the-puppy-plan-2/
Din l-inizzjattiva għandha l-appoġġ tas-Segretariat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, il-Malta Kennel Club, il-Malta National Canine Federation flimkien mas-santwarji tal-annimali f’Malta u Għawdex.