Il-Ġermanja se żżarma parti mill-forzi speċjali

Tobias Schwarz/Pool via REUTERS

Read in English.

Il-Gvern Ġermaniż ħabbar pjanijiet li jżarma parti mill-forzi speċjali tal-pajjiż, magħrufa bħala l-KSK, fi sforz li tkun eliminata problema persistenti ta’ estremiżmu tal-lemin estrem. Dan kien żvelat minn dokument miksub minn Reuters minn sorsi governattivi.

Il-KSK twaqqfet fl-1996, u r-reputazzjoni tagħha kienet ittappnet fl-2003 wara li l-kmandant tagħha kien sfurzat jirtira qabel iż-żmien wara akkużi ta’ rabtiet mill-qrib ma’ estremisti tal-lemin estrem, rabtiet li baqgħu jitilgħu fil-wiċċ regolarment minn dakinhar.

F’Mejju, il-pulizija ġabret armi, splussivi u munizjon waqt rejd fuq proprjetà privata ta’ suldat tal-KSK fl-istat tas-Sassonja, fil-Lvant tal-pajjiż. Id-dokument tal-Ministeru juri li kien hemm diversi inċidenti tal-lemin estrem fl-aħħar perjodu.

“Għadaqstant, it-tieni kumpanija tal-forzi speċjali se tiżżarma”, kiteb is-Segretarju tal-Istat għad-Difiża Peter Tauber fid-dokument.

“Analiżi ta’ avvenimenti kurrenti u każijiet ta’ estremiżmu tal-lemin estrem jagħmluha ċara li l-KSK, tal-anqas f’ċertu oqsma, sar indipendenti fl-aħħar snin, taħt l-effett ta’ ftehim li mhux xieraq bejn mexxejja ta’ dawn il-forzi”.

F’Ġunju, kaptan tal-KSK talab lill-Ministru tad-Difiża Annegret Kramp-Karrenbauer biex tintervjeni f’ittra ta’ 10 paġna li fiha hu akkuża lill-għalliema u commandos ewlenin f’din it-taqsima li jikkultivaw “kultura tossika” li fiha ilmenti dwar influwenza tal-lemin estrem jinħbew.

Il-Ġermanja qed tipprova tindirizza żieda f’ideoloġija vjolenti tal-lemin estrem. Fi Frar, razzist ta’ 43 sena qatel disa’ persuni li għandhom sfond ta’ immigrazzjoni, fil-belt ta’ Hanau, qabel ma’ qatel ‘l ommu u lilu nnifsu.

Bħala parti mill-ġlieda ta’ Kramp-Karrenbauer’s kontra l-lemin estrem, l-operazzjonijiet tal-KSK se jitmexxew f’taqsimiet oħra kemm jista’ jkun ‘il bogħod filwaqt li l-operat tat-taqsima tal-commando u l-isforzi ta’ kooperazzjoni internazzjonali se jiġu sospiżi sakemm jingħata avviż ieħor.