Il-Ġermanja tpoġġi lil Malta fil-lista ta’ riskju

Read in English.

Il-Ġermanja poġġiet lil Malta fil-lista ta’ riskju u b’hekk kull minn jidħol fil-Ġermanja minn Malta jrid jippreżenta test negattiv ta’ swab test jew jagħmel test dak il-ħin f’wieħed miċ-ċentri li jeżistu fl-ajruporti madwar il-Ġermanja. Il-kwarantina hija mandatorja ta’ ġimgħatejn għal dawn il-passiġġiera.

Il-lista ta’ riskju fil-Ġermanja qed tiġi aġġoranta mill-Istitut Robert Koch li jservi ta’ aġenzija tal-Gvern għar-riċerka dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Ġermaniż elenka l-miżuri li qed jittieħdu fuq il-passiġġieri li jkunu ġejjin minn pajjiżi b’riskju bħalma hu Malta. Fost dawn hemm li l-passiġġiera jridu jippreżentaw test negattiv ta’ swab test li jibqa’ validu sa 48 siegħa u li jimplew il-formoli li jingħataw fuq l-ajruplan biex jiġi stabbilit il-post fejn se jkun qed joqgħod fil-pajjiż.

Matul il-perjodu ta’ kwarantina, il-persuna ma tistax titlaq mid-dar jew l-appartament u lanqas tirċievi mistednin. L-istess Ministeru jgħid ukoll li jista’ jkun hemm multi għal min ma jżommx ma’ dawn ir-regoli.

Malta tinsab fil-lista l-ħamra tal-pajjiżi Baltiċi u l-Belġju.

Mistoqsi lbieraħ minn Newsbook.com.mt dwar l-ivjaġġar waqt il-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela ma għalaqx il-bibien għall-vaganzi. Huwa tkellem favur l-industrija tat-turiżmu u qal kif din hija importanti għall-ekonomija ta’ Malta.