Il-Ġermanja tissospendi €35 miljun f’fondi għall-priservazzjoni tal-Amazon

Read in English.

Il-Ġermanja iddeċidiet li għandha tissospendi €35 miljun f’fondi li jintbagħtu lejn il-Brażil biex jiffinanzjaw proġetti ta’ priservazzjoni tal-foresta Amazon. Skont sorsi tal-midja, il-fondi qed jiġu sospiżi minħabba li żdiedet id-deforestazzjoni.

L-ambaxxata Ġermaniża fil-Brażil tkellmet ma’ gazzetta Brażiljana u qalet li d-deċiżjoni ttieħdet wara li tqajjem tħassib dwar iż-żieda ta’ deforestazzjoni fl-Amazon. Din id-deċiżjoni se tkun qed taffetwa l-fondi mibgħuta għal proġetti ġodda mfassla mill-Ministeru għall-Ambjent Brażiljan.

Id-deforestazzjoni fil-foresta tropikali tal-Brażil żdiedet b’67% fl-ewwel seba’ xhur tas-sena. Dan ħareġ minn riċerka li saret minn aġenzija spazjali Brażiljana. Min-naħa l-oħra, il-gvern Brażiljan sostna li d-dettalji li ħarġet din l-aġenzija m’humiex affidabbli.