Il-Ġermanja tintroduċi aktar restrizzjonijiet

John Thys/Pool via REUTERS

Il-Ġermanja se timponi restrizzjoni fuq l-għadd ta’ persuni fi gruppi u multi għall-persuni li ma jirrispettawx ir-regoli tal-intraċċar, fi sforz biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-coronavirus matul il-ħarifa u x-xitwa, qalet il-Kanċillier Angela Merkel nhar it-Tlieta.

Ir-restrizzjonijiet se jkunu mmirati, minħabba li l-pajjiż “se jagħmel minn kollox” biex jiġi evitat lockdown totali, qalet Merkel wara konferenza mal-mexxejja tas-16-il stat tal-Ġermanja, fejn żiedet tgħid li l-prijorità tal-pajjiż kienet li l-ekonomija tibqa’ għaddejja.

Skont standards Ewropej, il-Ġermanja esperjenzat rati ta’ infezzjoni u ta’ mwiet relattivament baxxi s’issa matul il-pandemija, imma Merkel qalet li l-każijiet jistgħu jitilgħu għal 19,200 kuljum jekk in-numri jibqgħu sejrin kif inhuma.

Il-pajjiż irrapporta 2,089 każ tal-coronavirus nhar it-Tlieta, li jwassal għal total ta’ 287,421 każ, b’9,471 persuna li tilfu ħajjithom, skont l-istitut għall-mard infettiv Robert Koch.

“Tgħallimna ħafna u rnexxielna ngħaddu s-sajf billi żammejna rati baxxi, imma aħna ċerti li se jkollna żminijiet aktar diffiċli – il-ħarifa u x-xitwa – żieda gradwali fl-għadd ta’ infezzjonijiet, li f’ċerti postijiet kienet sinifikanti, qed tikkawża tħassib,” Merkel qalet lill-ġurnalisti.

Hija qalet li “strateġija bbażata fuq hot spots” kienet se tillimita l-festini privati għal 25 persuna, u dawk pubbliċi għal 50 f’żoni fejn ir-rata ta’ infezzjoni laħqet il-35 każ għal kull 100,000 persuna fuq perjodu ta’ sebat ijiem.

Jekk ir-rata titla’ għal 50 każ għal kull 100,000 persuna, ċelebrazzjonijiet privati se jiġu ristretti għal 10 persuni u dawk pubbliċi għal 25.

L-ekonomija tal-Ġermanja naqset b’9.7% fit-tieni kwart tas-sena hekk kif l-infiq tad-djar, l-investimenti tal-kumpaniji u l-kummerċ staġnaw matul il-quċċata tal-pandemija. Il-gvern ta’ Merkel nieda diversi miżuri ta’ stimulu, iffinanzjati minn rekord ta’ self ġdid, fejn huwa mistenni li dan se jgħin biex l-ekonomija terġa’ tibda’ tikber b’mod sinifikanti fl-2021.

“Irridu naġixxu b’mod reġjonali, speċifiku u bi skop, aktar milli nerġgħu nagħlqu l-pajjiż kollu għal darb’oħra – dan għandu jkun evitat b’kull mod possibbli,” żiedet tgħid Merkel.

L-infezzjonijiet ilhom jiżdiedu fil-Ġermanja għal dawn l-aħħar ġimgħat, imma l-mexxejja tal-istati mhux qed jaqblu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed, l-aktar minħabba l-varjazzjonijiet fl-għadd ta’ każijiet fir-reġjuni differenti.

Merkel temmet tgħid li prijoritajiet oħra kienu meħtieġa sabiex l-iskejjel u n-nurseries jibqgħu miftuħa. Persuni li jipprovdu identità falza f’ristoranti se jiġu mmultati 50 Euro ($59) u għandha ssir ħidma biex tittejjeb il-ventilazzjoni fil-binjiet matul ix-xitwa.