Il-Ġermanja tikkunsidra li testendi l-lockdown sa qabel il-Milied

Berlin_BrandenburgerTor@covid19
NbN09, CC BY-SA 4.0 , via Wikimedia Commons

Il-Ħadd li għadda, politiċi ewlenin fil-Ġermanja kienu kwotati jgħidu li l-pajjiż se jkollu jestendi l-miżuri li daħħal sabiex jikkontrolla l-pandemija sax-xahar ta’ Diċembru.

Nhar it-2 ta’ Novembru, il-Ġermanja kienet imponiet lockdown ta’ xahar sabiex tipprova tikkontrolla t-tieni mewġa tal-virus li qed jattakka l-parti l-kbira ta’ l-Ewropa, għalkemm l-għadd ta’ infezzjonijiet ma naqasx.

“Kollox jidher li r-restrizzjonijiet li għandna bħalissa se jkollhom ikunu estiżi lil hinn mit-30 ta’ Novembru,” qal il-Ministru tal-Finanzi Olaf Scholz huwa w jitkellem mal-gażżetta ta’ kull ġimgħa Bild am Sonntag.

Bars u ristoranti jinsabu magħlquin iżda l-iskejjel u l-ħwienet baqgħu miftuħa. Nies tista’ tinġema’ sa massimu ta’ 10 minn mhux iżjed minn żewġ familji.

Il-kap tal-partit Christian Social Union (CSU) tal-Bavarja, Markus Soeder, qal lil BamS li idealment, dawn il-miżuri għandhom ikunu estiżi b’tlett ġimgħat, jiġifieri sa l-20 ta’ Diċembru.

“Il-mewġa tkissret iżda sfortunatament l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda mhuwiex qed jonqos. Minflok, il-units ta’ kura intensiva qed ikomplu jimtlew bin-nies u l-għadd ta’ mwiet qed ikompli jogħla,” qal Soeder. 

“Għalhekk, ma nistgħux nagħtu l-all-clear.”

Huwa qal li s-swali taċ-ċinema, il-bars u l-lukandi se jkollhom jibqgħu magħluqin, u qal li jekk jista’ jkun, m’għandhomx jitħallew li jinħarqu murtali u jinbiegħ alkoħol fl-aħħar tas-sena f’pjazzez pubbliċi.

Il-Kanċilliera Angela Merkel mistennija tiltaqa’ mal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej nhar il-25 ta’ Novembru sabiex tiddiskuti għandhiex timponi iżjed restrizzjonijiet ma’ dawk li diġa hemm.

Scholz qal li l-għajnuna finanzjarja lin-negozji kollha effettwati minn dan il-lockdown se jkollha tkompli tingħata jekk ikun hemm ftehim li r-restrizzjonijet ikunu estiżi, għaldaqstant kompla jgħid li l-kumpens ta’ 75% tad-dħul mitluf se tkun sfida minħabba l-liġijiet Ewropej tal-kompetizzjoni.

“Iżda hawnhekk qed nitkellmu dwar il-ħarsien tal-ħajja tan-nies u għalhekk, hemm bżonn li naġixxu b’mod pragmatiku, mingħajr burokrazija żejda u bil-għaqal,” kompla jgħid.

L-għadd ta’ każijiet konfermati ta’ coronavirus fil-Ġermanja żdied b’15,741 għal 918,269, skond data maħruġa nhar il-Ħadd mir-Robert Koch Institute (RKI) l-istitut speċjaliżżat fil-mard infettiv.