Il-Ġermanja testendi l-limitazzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn 160 pajjiż

REUTERS/Fabrizio Bensch

Nhar l-Erbgħa l-gvern Ġermaniż estenda limitazzjoni fuq l-ivvjaġġar lejn 160 pajjiż sal-aħħar ta’ Awwissu, skont deċiżjoni li ttieħdet mill-kabinett Ġermaniż.

Il-limitazzjoni fuq l-ivvjaġġar, li ma tapplikax għal pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, tindika li għandu jiġi evitat “vjaġġar turistiku mhux essenzjali” minħabba r-riskji li tikkawża l-marda tal-coronavirus.

Id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tippermetti xi eċċezzjonijiet li jistgħu japplikaw għal pajjiżi individwali jekk il-firxa tal-virus tkun ġiet ikkontrollata.

Id-deċiżjoni li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar individwali se tittieħed skont l-għadd ta’ każijiet ġodda ta’ COVID-19, kif ukoll il-kapaċità għall-ittestjar, ir-regoli tal-iġjene u l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa f’kull pajjiż.

Qed jiġu kkunsidrati wkoll il-possibilitajiet ta’ ripatrijazzjoni u l-miżuri ta’ sikurezza għat-turisti.

Il-pajjiżi barra mill-UE li huma elenkati fil-limitazzjoni fuq l-ivvjaġġar jinkludu wħud mid-destinazzjonijiet favoriti għal turisti Ġermaniżi, fosthom it-Turkija.

Il-Ministru għall-Intern Ġermaniż, Horst Seehofer, nhar l-Erbgħa ħabbar ukoll li l-Ġermanja kienet se terħi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-15 ta’ Ġunju, u għalhekk iċ-ċittadini tal-UE se jerġgħu jitħallew jidħlu fil-pajjiż mingħajr ma jitwaqqfu.

Seehofer qal li nhar it-Tnejn se jitneħħew il-kontrolli fuq il-fruntieri tal-art tal-Ġermanja mal-Iżvizzera, Franza, l-Awstrija u d-Danimarka, filwaqt li żied jgħid li l-gvern kien lest li jerġa’ jevalwa l-pjanijiet tiegħu jekk is-sitwazzjoni attwali tal-pandemija tal-coronavirus tmur għall-agħar.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn