Il-Ġermanja se tibgħat ajruplani tal-gwerra jattakkaw lill-ISIS

Il-President Franċiż, Francois Hollande, qed ikompli bil-ħidma diplomatika tiegħu biex jikseb iktar imsieħba strateġiċi f’koalizzjoni internazzjonali kontra l-Istat Iżlamiku.
Wara t-talba tal-Prim Ministru Ingliż, David Cameron, lill-Parlament tiegħu, biex l-Ingilterra tinvolvi ruħha issa b’mod militari kontra l-Istat Iżlamiku, il-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, ħabbret li l-Ġermanja se tibgħat ajruplani militari biex jibbumbardjaw postazzjonijiet tal-Istat Iżlamiku.
Dan wara deċiżjoni mill-Kabinett tal-Ministri, “b’reazzjoni għal dak li seħħ f’Pariġi”.
L-Italja, min-naħa l-oħra, tat l-appoġġ lil Franza imma mhux b’azzjoni militari.
Jidher li l-Italja se tkun qed tassisti suldati Franċiżi fil-Libanu, biex tilliberahom mill-impenn tagħhom hemm u jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq dik li qed issir dejjem iktar gwerra internazzjonali kontra l-ISIS.
Iktar tard illum, Hollande se jkun qed iżur ir-Russja għal laqgħat importanti mal-President Vladimir Putin.