Il-Ġermanja mistennija żżid il-miżuri tal-lockdown

Ritratt: REUTERS/Kai Pfaffenbach

X’aktarx li l-Ġermanja jkollha iżjed restrizzjonijiet sabiex tiġi kkontrollata l-infezzjoni fil-pajjiż, wara li din il-ġimgħa n-numru ta’ każijiet u imwiet laħqu numru rekord.

L-Istitut Robert Koch qal li n-numru ta’ każijiet żdid b’29,875 madwar 16-il stat fil-pajjiż, 200 każ iżjed mill-ġurnata ta’ qabel. Intant, in-numru t’imwiet tela’ għal 20,970.

Il-Ġermanja rrispondiet għat-tieni mewġa ta’ din l-imxija billi għalqet in-negozji ta’ ospitalità inklużi dawk li joffru servizzi ta’ sport u rilassament. Madanakollu, l-iskejjel u ħwienet li mhumiex essenzjali baqgħu miftuħin.

Il-Ministru għas-Saħħa, Jens Spahn, saħaq li l-virus ma jinteressahx jekk ilħaqniex lestejna x-xiri tal-Milied u għalhekk miżuri oħrajn għandhom jidħlu fis-seħħ fil-pajjiż mill-aktar fis possibbli.

Numru ta’ stati fil-Ġermanja diġà żiedu l-miżuri minn jeddhom iżda issa qiegħed jiġi kkunsidrat li jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet li japplikaw għall-pajjiż kollu.

Bħalissa fil-pajjiż, ir-rata ta’ infezzjoni hija dik ta’ 320 każ għal kull 100,000 abitant. Dan ifisser li r-rata hija sinifikament iżjed ogħlja minn dik ta’ Franza.