Il-Ġermanja lesta tgħin lill-imsieħba Ewropej

Angela Merkel
Angela MerkelMichel Kappeler/Pool via REUTERS

Il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel sostniet li l-Ġermanja trid tara l-pajjiżi Ewropej jirkupraw mill-kriżi ekonomika li qed tirriżulta mill-coronavirus, u li dan huwa fl-interess komuni. 

Il-Ġermanja kien wieħed mill-aktar pajjiżi li rnexxilu jegħleb b’suċċess l-imxija, grazzi għall-ittestjar minn kmieni u fi kwantitajiet kbar. Dan barra li l-pajjiż għandu waħda mill-aktar sistemi ta’ saħħa b’saħħithom. Dan wassal biex il-pajjiż diġà beda jiftaħ l-ekonomija tiegħu bil-mod il-mod.

Waqt diskussjoni parlamentari, Angela Merkel qalet li “m’hu fl-interess ta’ ħadd li l-Ġermanja biss tkun b’saħħitha wara l-kriżi”. Hija qablet ma’ Ralph Brinkahaus, mexxej tal-konservattivi tas-CDU/CSU, il-Partit li minnu ġejja hi, li l-Ġermanja trid tgħaddi aktar fondi lil Brussell. Madankollu hija serrħet moħħ id-deputati li d-deċiżjoni finali se tkun f’idejn il-Bundestag.

Brinkhaus qal li l-Ġermanja kienet lesta tgħin lill-imsieħba Ewropej tagħha, iżda riedet tkun taf kif se jintefqu l-biljuni. Il-Kummissjoni Ewropea mistennija tressaq proposti riveduti għall-baġit li jmiss il-ġimgħa d-dieħla.

L-espert baġitarju tas-CDU Eckhardt Rehberg kien pjuttost pessimist fuq il-finanzi tal-Ġermanja. Huwa wissa li l-pajjiż irid jistenna sal-2023 biex jara l-istess dħul mit-taxxi li kellu s-sena l-oħra.

Merkel wissiet li għadu kmieni biex jinfetħu l-fruntieri, suġġett li se jkun diskuss mill-Kabinett illum. Filwaqt li hu mistenni li l-kontrolli jistgħu jkunu rilassati xi ftit, ma jidhirx li dawn se jitneħħew kompletament. Skont rapporti fil-mezzi tax-xandir tal-Ġermanja, jidher li Merkel hi favur ftuħ ikkontrollat, f’fażijiet differenti. Biss biss, jidher li l-Franċiżi mhumiex lesti jiftħu l-fruntieri tagħhom qabel nofs Ġunju.