Il-Ġermanja għal lockdown parzjali mit-Tnejn

Angela Merkel Germany
EU 2020

Read in English.

Il-Kanċellier Ġermaniż Angela Merkel ħabbret li l-Ġermanja se tidħol f’lockdown parzjali mit-Tnejn li ġej 2 ta’ Novembru f’mossa biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus.

Hija ħabbret dan wara li tkellmet mal-mexxejja reġjonali hekk kif il-miżuri se japplikaw mal-pajjiż kollu għal xahar u se jiġu riveduti wara ħmistax.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrappurtat lil Merkel tgħid li “dawn huma miżuri ħorox”.

L-istess aġenzija qalet ukoll li Merkel indikat li l-għadd ta’ pazjenti fit-taqsimiet tal-kura intensiva rdoppja tul l-aħħar għaxart ijiem. Qalet ukoll li s-sistema tas-saħħa tista’ tkun f’diffikultà tagħha jekk il-pandemija tkompli tinfirex u r-rata ta’ infezzjonijiet togħla aktar.

Fl-istess aħbar, Merkel qalet li n-negozji affettwati se tingħatalhom għajnuna finanzjarja sa €10 biljun.

Stqarret ukoll li l-pajjiż wasal fi stat fejn 75% tal-każijiet huma sporadiċi.

Ir-restrizzjonijiet il-ġodda għax-xahar id-dieħel:

  • Jingħalqu r-ristoranti u l-bars, ħlief għat-take-away
  • Avvenimenti kbar jerġgħu jiġu kkanċellati
  • L-ivvjaġġar bla bżonn huwa skoraġġut
  • Iljieli f’lukandi pprojpiti, ħlief f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza
  • Dawk kollha li jistgħu jaħdmu mid-dar għandhom jagħmlu dan u min iħaddem għandu jiffaċilita t-transizzjoni għax-xogħol mid-dar
  • Laqgħat fil-pubbliku se jkunu ristretti għal żewġ familji biss sa total ta’ 10 persuni
  • Faċilitajiet ta’ divertiment bħat-teatri u ċ-ċinemas se jkunu magħluqa
  • Ċentri pubbliċi ta’ rikreazzjoni bħal pixxini u gyms se jingħalqu

X’se jitħalla jsir?

  • L-iskejjel u l-kindergartens se jibqgħu miftuħa
  • Is-servizzi tal-knisja u l-protesti jitħallew ikomplu minħabba tħassib kostituzzjonali
  • Ir-residenti tad-djar tal-anzjani jitħallew jirċievu viżitaturi
  • Il-ħwienet se jibqgħu miftuħa, bi klijent wieħed permess għal kull 10 metri kwadri