Il-Ġermaniżi fis-seba’ sema għax għamluha għall-finali

Is-semifinali bejn il-Brażil u l-Ġermanja, kienet logħba li bħalha la qatt rajna u wisq anqas stennejna f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil.
Rebħa ta' 7-1 fuq il-Brażil tkompli tagħti x'tifhem li l-Ġermanja huma super potenza fil-futbol fid-dinja.
Ħafna mill-plejers li jilagħbu mat-tim ta’ Bayern Munich li għollew iċ-Champions League u  t-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs fl-2012/13 u li rebħu l-kampjonat Ġermaniż għat-tieni sena konsekuttiva fl-aħħar staġun, saru l-ewwel finalisti biċ-ċans li jgħollu anki t-Tazza tad-Dinja mat-tim nazzjonali.
Il-Ġermaniżi ħadu l-kontroll assolut tal-partita bil-gowls li ġew skurjati minn Thomas Müller fil-11-il minuta, Miroslav Klose fit-23 minuta, doppjetta ta’ Toni Kroos fl-24 u fis-26 minuta, Sami Khedira fid-29 minuta u doppjetta tas-sostitut André Schürrle fid-69 u fid-79 minuta.
L-uniku gowl Brażiljan wasal fid-90 minuta minn Oscar.
Il-protagonist ewlieni tal-logħba kien bla dubju Miroslav Klose li bil-gowl tiegħu sar l-aqwa skorer fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja b’16-il gowl.
Il-Brażil issa jilagħbu nhar is-Sibt li ġej fil-finali għat-tielet post, kontra t-tim tellief bejn l-Olanda u l-Arġentina.