Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera qal li l-George Cross fuq il-bandiera Maltija mhuwiex umiljanti.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament fl-isfond tad-dibattitu dwar l-estimi tad-dħul u nfiq tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Malti, Herrera qal li d-dibattitu li qam f’Malta wara l-mewġa ta’ protesti u vandaliżmu barra fuq monumenti jew statwi li jirrappreżentaw il-kolonjaliżmu, hu redikolu.
“Huwa redikolu li wieħed jippretendi li niżmantellaw il-monumenti tagħha għax jappartjenu epoka differenti meta konna taħt super potenza,” spjega Herrera. “Dik hi l-verità, l-istorja ma tistax tbiddilha. Il-monument qiegħed hemm biex jitfakkar episodju u trid tiġġudika fl-isfond storiku tagħha u mhux bil-kejl tal-lum,” kompla jgħid.
Żied jistaqsi jekk aħniex mingħalina li se nbiddlu l-istorja billi nkissru l-monumenti. Bl-istess mod, hu qal li l-Maltin urew kuraġġ kbir u Malta hi l-uniku pajjiż li ngħata l-George Cross.
“Jekk trid tuża l-bandiera bla George Cross agħmel hekk. Hemm pajjiżi oħra li fil-bandiera tagħhom hemm tifkiriet li kienu parti mill-Imperu Brittaniku iżda l-istorja ma biddilha ħadd,” temm jgħid.