​Il-ġeologu Peter Gatt jinħatar konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-ġeologu Malti Dr Peter Gatt inħatar bħala Oil Exploration Advisor fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan joħroġ mill-profil tiegħu fuq LinkedIn, li fl-aħħar sigħat innotifika lil kull min hu fin-netwerk tiegħu, bil-kariga ġdida.

Ma’ Newsbook.com.mt il-ġeologu ma ċaħadx li għandu kariga fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru iżda ma weġibx għall-mistoqsijiet dwar x’tinvolvi eżatt din il-pożizzjoni tiegħu. Il-mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar din il-kariga ma ġewx imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.
Dr Peter Gatt studja l-ġeoloġija fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti. Huwa pproduċa diversi xogħlijiet ta’ riċerka. Fl-2009, ir-riċerka tiegħu dwar il-ġebla tal-franka fil-Mediterran kisbet premju mill-kumpanija taż-żejt BP.
Kumpaniji oħrajn taż-żejt li b’xi mod jew ieħor taw kontribut lir-riċerka ta’ Gatt jinkludu Shell, Total S.A., u Lundin Petroleum.
F’Diċembru li għadda, Dr Gatt kien qasam it-tħassib tiegħu dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex ma’ Newsbook.com.mt. Huwa kien qal li minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar il-ġeoloġija tal-pajjiż, hemm riskju li jkorru jew imutu n-nies waqt it-tħaffir tal-mina bejn Malta u Għawdex, f’każ ta’ kollass jew jekk timtela bl-ilma baħar.  Iddeskriva s-sitwazzjoni tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer bħala waħda prekarja.