Il-“Ġenna tat-Taxxa” tweġġa’ lill-fqir

Deċiżjonijiet finanzjarji u ekonomiċi huma deċiżjonijiet etiċi li jistgħu jkunu tajba u ħżiena, jgħid dokument ippubblikat mill-Vatikan, ilbieraħ.
“Ma jistax ikun hemm xejn li jagħmel il-bniedem li ma għandux kunsiderazzjonijiet etiċi bbażati fuq il-libertà il-verità, il-ġustizzja u s-solidarjetà” jgħid id-Dokument ippubblikat mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.
Id-dokument intitolat “Kunsiderazzjonijiet għal Dixxerniment Etiku dwar xi aspetti tas-sistema Ekonomika-Finanzjarja preżenti”, kien approvat mill-Papa Franġisku, tnieda mill-Arċisqof Luis Ladaria, Prefett tal-imsemmija Kongregazzjoni u mill-Kardinal Peter Turkson, Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman.
Ibbażat fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja u fuq dak li għallmu l-Papa Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u l-Papa Franġisku, id-dokument jinsisti li kull attivita’ ekonomika għandha dimensjoni etika u morali.
“Fin-nofs hemm il-ġid veru tal-maġġoranza tan-nies li jgħixu fuq din il-pjaneta li huma f’riskju li jkunu esklużi u emarġinati mill-veru żvilupp u ġid filwaqt li minoranza, li ma jimpurtahiex mill-kundizzjoni tal-maġġoranza, tesplojta r-riservi biex tistagħna hi”, jinsisti d-dokument.
Id-daqs u l-kumplessita tal-ekonomija globali jistgħu jwasslu ħafna nies jaħsbu li ma jistgħu jagħmlu xejn biex ikun hawn ekonomija ta’ solidarjetà u li tara li kulħadd fid-dinja jkun qed jgħix sew, imma kull deċiżjoni finanzjarja li jagħmel bniedem – speċjalment jekk jaġixxi ma’ oħrajn, tista’ tagħmel differenza.
Id-Dokument ifaħħar sistemi ekonomiċi u swieq li jirrispettaw id-dinjita’ umana u jippromwovu l-liberta’, il-kreattivita’, il-produzzjoni, ir-responsabbilta’, ix-xogħol u s-solidarjeta’.
Ekonomija b’saħħitha, ġġib ‘l quddiem dawn il-valuri u tifhem li l-kejl tal-progress mhux kemm għandhom flus fil-bank in-nies imma kif in-nies qed ikunu mgħejjuna biex jgħixu ħajja aħjar.
“Ebda profit ma hu leġittimu jekk ma jkunx immirat li jġib ‘il quddiem l-iżvilupp integrali tal-persuna, li l-prodotti jitwasslu kullimkien u jagħti preferenza lill-foqra”.
“Hu meħtieġ li wieħed jagħmel riflessjoni etika fuq aspetti ta’ ċerti transazzjonijiet finanzjarji li jekk ma jkollhomx sisien morali sodi, jispiċċaw f’abbuż u inġustizzja u jistgħu jwasslu għal kriżi ekonomika.
Barra mill-immoralità tal-użura u l-evażjoni tat-taxxa, id-Dokument jelenka prattiċi oħra li huma etikament problematiċi fosthom l-inċentivi ta’ bonus ibbażati biss fuq il-profitt ta’ malajr; it-tħaddim ta’ strutturi finanzjarji li jiffaċilitaw l-evażjoni tat-taxxa; u l-ħruġ ta’ kapital minn pajjiżi li qed jiżviluppaw; il-ħolqien ta’ ħażniet ta’ kreditu u t-tkabbir ta’ sistemi bankarji mdellija”.