“Il-ġenn tal-iżvilupp jaħkem ukoll Binġemma” – FAA

L-Għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar l-FAA qalet li “l-ġenn tal-iżvilupp” li qed jolqot lill-pajjiż issa qed jaħkem ukoll Binġemma.

Qalet li filwaqt li minn barra tidher bħala akkomodazzjoni agro-turistika, l-applikazzjoni nnifisha turi li se jkun hemm seba’ appartamenti żgħar, kollha bid-daħla privata tagħhom b’veduti fuq il-kampanja. L-FAA sostniet li se jkun hemm ukoll pixxina u restorant.

Minħabba l-ambjent rurali u għax Binġemma hija żona ekoloġikament sensittiva, l-FAA fakkret kif sa ftit snin ilu ma kienet qed tiġi l-ebda kunsidrata l-ebda talba għal żvilupp. Madankollu l-FAA żiedet tgħid li mill-2014 lil hawn, applikazzjoni bħal din tista’ tiġi kunsidrata taħt il-kategorija ta’ akkomodazzjoni agro-turistika.

Dwar l-applikazzjoni f’Binġemma, l-FAA argumentat li ma saret l-ebda ħidma fuq l-art in kwistjoni fl-aħħar għaxar snin, u din l-art hija ħafna iżgħar miż-żona minima skont ir-regolamenti. Għaldaqstant l-FAA qed tgħid li din l-applikazzjoni f’Binġemma lanqas biss għandha tiġi kunsidrata mill-Awtorità tal-Ippjanar. Iddeskrivietha bħala attentat biex jgħaddi mit-toqob tal-liġi ħalli jitmexxa proġett kummerċjali bl-iskuża ta’ bini rurali.

Sostniet li żvilupp agro-turistiku għandu jitmexxa biss minn bdiewa ġenwini li jieħdu ħsieb l-art tal-madwar, u biex jipprovdu lil dawk li jżuruhom esperjenza awtentika li tfakkar fil-prodotti bnini Maltin.