Il-ġenituri tat-tewmin Għawdxin qatt ma kkunsidraw l-abort

Gracie Attard, it-tewmija Għawdxija li kienet isseparata mill-ġisem t'oħtha fis-sena 2000, kienet taf minn età żgħira li kellha oħtha.
F'intervista li għamel il-ġurnal Ingliż DailyMail ma' Gracie Attard, it-tfajla ta' 14-il sena qalet li baqgħet mistgħaġba li l-istorja tagħha u t'oħtha kienet ta' interess għal tant nies madwar id-dinja.
Il-ġenituri tat-tewmin, Michael u Rina Attard qalu li lura fis-sena 2000, meta kellhom jieħdu deċiżjoni dwar liem tarbija se jsalvaw, kienu jinsabu mħawwdin.
Bħala Kattoliċi huma qatt ma kkunsidraw l-abort meta saru jafu li t-tewmin kienu magħqudin, u Rina sostniet li l-futur tat-trabi kien f'idejn Alla.
Il-Qorti iżda ħadet deċiżjoni li tissepara t-tewmin, u l-ġenituri aċċettaw. Wara operazzjoni li damet 20 siegħa, Rosie mietet, filwaqt li Gracie salvat.
Gracie kellha tgħaddi minn proċess twil ta' fejqan sabiex ġisimha jaddatta.
Illum Gracie tgħix ħajja normali bħal tfal oħra, mal-ġenituri tagħha u m'oħtha oħra f'Għawdex. Hi tixtieq issir tabiba la tikber.
Gracie qalet li xi drabi taħseb dwar oħtha, u jekk kienux jagħmlu affarijiet simili li kieku għadha ħajja. Tapprezza d-deċiżjoni diffiċli li kellhom il-ġenituri tagħha, u tinsab grata li hi ħajja. 

Ritratt: DailyMail