Il-ġenituri ta’ Daphne jikxfu plakka fi skola; “qatlu tifla kreattiva”

Read in English.

Il-ġenituri tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kixfu plakka tal-irħam fl-iskola tal-Kunvent ta’ Santa Doroteja f’Ħaż-Żebbuġ.

Iċ-ċerimonja saret fil-preżenza ta’ eks studenti ta’ din l-iskola, li kienet tattendi Caruana Galizia. Kienu preżenti l-qraba tagħha, fosthom in-neputija Megan Mallia, li indirizzat lil dawk preżenti.

Fid-diskors tagħha, Mallia tgħid li xi kultant issib lilha nnifisha tixtieq li saret taf li zijitha meta kienet għadha studenta żagħżugħa fl-istess skola. Hi qalet li Daphne sa minn ċkunitha kienet persuna kreattiva u kienet kitbet dwar dan fl-editorjal tal-15-il edizzjoni tal-magażin, Flair.

B’referenza għax-xogħol ġurnalistiku tagħha, Mallia irrimarkat li l-iskrutinju u li tgħaqqad id-dettalji flimkien, kien li għamel lil Daphne ġurnalista tajba. Semmiet ukoll kif Daphne kienet taqta’ l-karti għall-festa ta’ San Pawl, u taqta’ l-istampi mill-magażins, waqt li tosserva kif dawn isiru.

Fi kliem Mallia, meta qatlu lill-ġurnalista, qatlu magħha t-tifla kreattiva li kienet Daphne Caruana Galizia, li kienet ukoll omm, mara, tifla, oħt u ħabiba. Temmet id-diskors tagħha billi qalet li l-legat ta’ Daphne Caruana Galizia se jkompli minkejja li qatluha.

Il-ġimgħa l-oħra fl-istess skola kien hemm ċerimonja oħra għall-istudenti fejn tpoġġiet plakka tal-brass qrib is-siġra tar-rand li għamlu fil-memorja ta’ Caruana Galizia.

 

€29,000 għal dawk li ħadmu fuq The Daphne Project

Il-Forbidden Stories u l-Organised Crime and Corruption Reporting Project (OCCRP) ingħataw €29,000 f’fondi.

Il-Forbidden Stories hi l-għaqda wara The Daphne Project, liema proġett qed ikompli jinvestiga u joħroġ l-istejjer tal-ġurnalista assassinata.

Il-fond ġie mwaqqaf fl-2018 b’valur massimu ta’ €450,000 miċ-Ċentru Ewropew għall-Istampa u l-Midja Ħielsa (ECPMF) u l-Istitut Internazzjonali tal-Istampa (IPI) biex jgħin fir-riċerka f’investigazzjonijiet bejn il-fruntieri fl-Unjoni Ewropea.

Ġurija indipendenti għażlet 12-il proġett ta’ ġurnaliżmu investigattiv biex jirċievu għajnuna finanzjarja minn dan il-fond.