​Il-ġenituri qed jikxfu informazzjoni dwar uliedhom mingħajr ma jafu – Miriam Dalli

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli qalet li diversi  ġenituri jitfgħu ritratti ta’ wliedhom onlajn mingħajr ma jirrealizzaw li qed jikxfu informazzjoni importanti bħal f’liema skola jmorru u anke l-ħin li dawn jibdew jew jispiċċaw l-iskola.
Dalli qalet dan waqt konferenza fuq l-għajnuna li tingħata lill-vittmi tal-kriminalità onlajn li kienet organizzata mill-Victim Support Europe fi Brussell. Hija ħeġġet lil dawk li jużaw l-internet biex joqgħodu aktar attenti dwar x’jitfgħu online minħabba li informazzjoni personali tista’ tinxtered mingħajr ma wieħed jifhem il-konsegwenzi ta’ dan.
Miriam Dalli stqarret li “insakkru d-djar tagħna għax fihom għandna affarijiet personali iżda imbagħad ma nipproteġux bl-istess mod l-affarijiet tagħna onlajn bħal per eżempju ċerta informazzjoni personali u dik finanzjarja.”
L-Ewroparlamentari qalet ukoll li l-vittmi ta’ abbuż u kriminalità onlajn għandhom bżonn l-għodda neċessarji sabiex jipproteġu lilhom infushom minn aktar konsegwenzi negattivi, inkluż ħsara lir-reputazzjoni tagħhom.
Dalli saħqet li l-Gvernijiet għandhom jaraw li l-ġustizzja ma’ vittmi ta’ kriminalità online mhux biss issir imma tidher li qed issir.