​Il-ġenituri mistiedna jidħlu fiż-żarbun ta’ wliedhom

L-Inspire organizzat workshop għall-ġenituri biex jifhmu mill-perspettiva tat-tfal kif dawn jgħixu l-isfidi tal-komunikazzjoni u l-impatt li diffikultajiet sensorji jista’ jkollhom fuqhom, minħabba d-djanjożi ta’ kundizzjoni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Charlene Borg, Parent Relations Manager mal-Inspire tispjega li qatt ma tista’ tifhem lil persuna sakemm ma’ tqisx l-affarijiet mill-perspettiva tagħha, sakemm tidħol f’ħajjitha u timxi fiż-żarbun tagħha.
Waqt il-workshop il-ġenituri ġew mgħejjuna jifhmu aħjar xi jkunu qed iħossu uliedhom li għandhom diffikultajiet sensorjali, u kif bħala ġenituri huma jistgħu jappoġġjaw u jħaffu dan il-piż sensorjali żejjed.
Minn punt psikoloġiku, ġew mgħejjuna jesploraw l-emozzjonijiet tat-tfal tagħhom u għalfejn jirreaġixxu b’ċertu mod. U aktar importanti, kif huma bħala ġenituri jistgħu jappoġġjaw l-esperjenza emottiva ta’ uliedhom.
Il-workshop serva biex jgħaqqad lil nies differenti b’esperjenzi tal-ħajja differenti, diversi kulturi u etniċitajiet, sfondi ta’ edukazzjoni, ġeneri, rwoli u karatteristiċi oħra.