“Il-ġenituri jridu jkunu responsabbli tat-tfal fil-bajja”

“Il-ġenituri għandhom ikunu responsabbli u ma jaqilgħux għajnejhom minn fuq uliedhom meta jkunu l-baħar”.

Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt Pauline Miceli, il-Kummissarju għat-Tfal, meta mistoqsija dwar il-każ riċenti ta’ allegat ħtif ta’ tifel mill-Għadira, liema każ wassal għall-arrest ta’ raġel.

Miceli insistiet li meta tħalli t-tfal liberi fuq il-bajja ma jfissirx li taljena rasek minnhom. Dan minħabba li kapaċi “jaqgħu u fil-baħar jistgħu jegħrqu anke fi ftit ilma.” Sostniet li f’postijiet fejn ikun hemm ħafna nies lanqas biss tinduna jekk jiġri xi ħaġa.

Madanakollu rrimarkat li ma tistax tikkummenta fuq każijiet speċifiċi u għaldaqstant il-kumment tagħha għandu jittieħed f’kuntest ġenerali.

Sostniet ukoll li malli n-nies jaraw xi ħadd barrani, speċjalment jekk ikun ta’ karnaġġjon skur ħafna drabi jaħsbu ħażin u moħħhom jiġri bihom.

Dwar il-każ, Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali, Alfred Grixti li spjega li dan il-każ speċifiku jaqa’ direttament taħt il-Pulizija għax huwa każ kriminali. Stqarr li għaldaqstant il-Fondazzjoni ma tintervejnix.

Newsbook.com.mt ikkuntattja wkoll lill-Korp tal-Pulizija dwar l-akkużi speċifiċi miġjuba kontra l-aggressur u jekk hux se jkun qed jitressaq il-Qorti fiż-żmien qrib. Madanakollu, sal-mument tal-pubblikazzjoni kienet għadha ma waslitx risposta dwar dan.

X’inhu l-każ tal-allegat attentat ta’ ħtif?

Il-każ li seħħ fid-29 ta’ Ġunju fl-Għadira ħareġ l-ewwel permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali meta omm it-tifel appellat biex it-tfal ma jitħallewx weħidhom, speċjalment meta jkunu fejn il-baħar.

Skont l-omm l-attentat seħħ hekk kif binha ta’ ħames snin qalilha li kien sejjer jaħsel il-barmil u l-pala fil-baħar. Hekk kif it-tifel kien qed jaħsel il-ġugarelli, raġel allegatament mar fuq it-tifel u għattielu ħalqu biex dan ma jkunx jista’ jgħajjat.

L-omm sostniet li mnalla t-tifel gidem id l-allegat aggressur xħin dan kien qed jipprova jdaħħlu f’kamp li kellu fuq il-bajja.