“Il-ġenituri għandhom id-dritt li jagħżlu huma dwar l-edukazzjoni ta’ uliedhom” – l-Arċisqof

Read in English.

Waqt il-programm Xarabank, l-Arċisqof Charles Scicluna wieġeb għall-numru ta' mistoqsijiet dwar suġġetti varji.
Dwar il-kotba mogħtija mill-MGRM biex jintużaw fl-iskejjel tal-istat
Minkejja li l-kotba mhumiex kollha tal-istess tip, l-Arċisqof Scicluna qal li "aħna nibdew mid-don tal-ħolqien".
Semma li filwaqt li kull tip ta' edukazzjoni hi biex tgħin lill-istudenti, għandha tkun l-għażla tal-ġenituri u mhux tal-istat dwar jekk jaqrawx il-kotba.
Sostna li l-kotba m'għandhomx ikunu parti mill-ideoloġija tal-istat, u li għandhom jintużaw biss fil-familja għal diskussjoni.
Ikkonferma li l-kotba huma sottili fl-informazzjoni li jagħtu, iżda li l-innoċenza tat-tfal hi fin-nofs, u qal li l-ġenituri huma responsabbli għall-uliedhom u l-edukazzjoni li jirċievu.
"Xi prezz se nħallsu għal tarbija? 5 embrijuni mejta?"
Meta mistoqsi dwar l-IVF, l-Arċisqof ta' Malta reġa' kkonferma dak li tgħallem il-Knisja, li t-tnissil tal-ħajja umana jsir fl-att taż-żwieġ li jkun miftuħ għall-ħajja. Sostna li dak li jsir fil-laboratorju xorta jibqa' ħajja umana u din trid tkun irrispettata. Kompla jgħid li l-iffriżar joħloq problemi meta tneħħi l-friża, hekk kif uħud mill-embrijuni jmutu. L-elementi, l-bajda u l-isperma, spjega l-Arċisqof, jistgħu jkunu ffriżati, iżda fl-embrijun il-ħajja tkun bdiet. Tenna li xorta jħoss għall-koppji li jridu jkunu ġenituri.
"Is-sentiment reliġjuż tal-poplu Malti għandu jiġi rrispettat"
L-Arċisqof irrefera għall-omelija li għamel fl-Għid ta' Santa Marija, għall-proposta li r-reliġjon Kattolika jista' jkun imkasbar, b'referenza għal liġi li qed tiġi diskussa fil-Parlament.
Qal li ma nistgħux inwarrbu s-sentiment reliġjuż, u li filwaqt li l-Parlament hu istituzzjoni importanti tal-pajjiż, għandu jirrispetta wkoll is-sentimenti tal-Kattoliċi f'Malta.
L-Arċisqof qal li mhux se jagħti risposta vjolenti lil min ikasbar is-sentiment reliġjuż, u li n-Nisrani għandu l-arma tat-talb u tifħir lil Alla.
"It-tqarbina taħfer id-djufija tagħna"
Dwar it-tqarbin ta' persuni ddivorzjati, l-Arċisqof qal li hemm regoli u liġijiet tal-Knisja li rridu nirrispettaw.
Fis-Sinodu tal-Familja li għadu kif intemm, il-Papa Franġisku semma akkoljenza li jixtieq li ssir lill-persuni divorzjati.
L-Arċisqof saħaq li s-Sinodu ma tkellimx dwar it-tqarbin, iżda li kulħadd ikun akkumpanjat u mgħejjun mill-Knisja. Tenna li "irridu nisimgħu l-weġgħat tan-nies".
Dwar il-burka
Filwaqt li jifhem fil-persważjoni li r-reliġjon titlob restrizzjoni fl-ilbies, l-Arċisqof qal li jixtieq li meta persuna tikkomunika fis-soċjetà, il-persuna ma jkollix ilbies li jifrida minn ħaddieħor. Stieden lill-Musulmani residenti Malta biex jipparteċipaw fi djalogu mal-kumplament tas-soċjetà, hekk kif il-popolazzjoni m'għadhix tħaddan biss reliġjon wieħed.
Filwaqt li r-reliġjonijiet iridu jkunu rrispettati, kompla li trid tkun imħarsa wkoll il-Kostituzzjoni Maltija, b'referenza wkoll għal-liġi tax-xarija.
Dwar ħwienet tas-sess (sex shops)
"Dak li tagħmel fid-dar fil-privatezza hu responsabbiltà tiegħek".
Staqsa jekk iż-żgħażagħ u l-iktar vulnerabbli humiex se jkunu mgħejjuna permezz ta' dawn il-ħwienet, filwaqt li appella biex tkompli tkun imħarsa d-diċenza pubblika.
Dwar allegati dehriet tal-Madonna
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li għadu qed jistenna riżultati ta' investigazzjoni li kien ordna l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona.

Ritratt: Photocity