“Il-ġenituri għandhom dritt jagħżlu l-iskola skont il-valuri” – Catholic Voices Malta

Il-ġenituri għandhom dritt għall-edukazzjoni ta’ uliedhom li hija l-eqreb lejn il-konvinzjonijiet u l-valuri tagħhom.

L-għaqda Catholic Voices Malta qalet dan fil-pożizzjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza. Fi stqarrija l-għaqda qalet li bagħtet il-pożizzjoni uffiċjali tagħha lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis li huwa wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni tal-Liġijiet.

L-għaqda spjegat li l-iskejjel tal-Knisja m’għandhomx ikunu ristretti li jitrasmettu l-ethos u l-valuri tagħhom fil-lezzjonijiet tar-Reliġjon biss. Qalet li l-iskop tal-iskejjel tal-Knisja jmur oltre mill-eċċellenza akkademika jew mill-katekiżmu li jiġi mgħallem waqt is-suġġett tar-reliġjon. Fissret li dawn l-iskejjel għandhom ikunu aġenti tal-ħajja Kristjana biex l-istudenti jiksbu ħiliet biex jgħixu l-ħajja Nisranija biex itejjbu l-kundizzjonijiet tal-batuti fis-soċjetà.

Filwaqt li laqgħu l-miżuri li bihom il-Gvern qed jassigura li jkun hawn ugwaljanza fis-soċjetà, il-Cathiolic Voices Malta stqarret li ugwaljanza ma tfissirx kulħadd l-istess imma kulħadd ugwali. L-għaqda saħqet ukoll li l-miżuri li jiddaħħlu għandhom jirrispettaw id-diversità. “L-Ugwaljanza tfisser li għalkemm aħna nistgħu nkunu differenti fir-razza, kulur, dak li nemmnu, sesswalità u oppinjonijiet, aħna xorta ugwali”, tqarret l-għaqda.

Fil-pożizzjoni tagħhom jirrimarkaw ukoll li l-abbozz ta’ liġi jaf se jagħmilha aktar diffiċli biex wieħed juri s-simboli reliġjużi, id-dritt li wieħed juri pubblikament il-fidi tiegħu u aspetti ta’ reklamar li jistgħu joħoqu reklamar reliġjuż.