Il-ġenerazzjoni żagħżugħa qed tfittex aktar lil Alla

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, f’Buchrest fir-Rumanija saret l-45 Laqgħa tas-Segretarji Ġenerali tal-Konferenzi Episkopali Ewropej li rriflettiet fuq is-sitwazzjoni attwali fl-Ewropa u  rrikonoxxiet li l-Ewropa hi realta komplessa aktar minn qatt qabel fejn qed taqbad l-art kultura pluralistika mmarkati minn sekulariżmu u individwaliżmu kbir. Madankollu, ix-xewqa għal valuri komuni bażati fuq il-verita’ u x-xewqa ta’ Alla qed jikbru dejjem aktar, partikolarment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Il-Knisja Kattolika tagħraf f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih, opportunita’ li ngħixu u nagħtu xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju ta’ Kristu, ta’ Alla li sar bniedem għax iħobbna u li jgħin lill-umanita’ anke fl-aktar żminijiet diffiċli tal-istorja. Il-Knisja trid tkun tal-imħabba t’Alla għall-bniedem billi tgħix dan il-pluraliżmu fid-dawl tal-messaġġ Kristjan.
Il-Konferenz ddiskutiet diversi temi marbuta mal-pluraliżmu fosthom il-Pluralita’ Kulturali, il-Pluraliżmu Ekonomiku; il-Pluralita’ Politika; il-Pluraliżmu Soċjali u Reliġjuż kif ukoll il-Pluraliżmu Ekklesjastiku.
Quddiem dawn l-isfidi il-Knisja trid tgħix dan il-kuntest pluralista Ewropew u takkumpanja lill-bniedem fl-aspirazzjonijiet ġusti tiegħu.  Alla hu dejjem preżenti. Hu biss jekk nibqgħu fidili għat-tagħlim tiegħu u nippromwovu l-prinċipji u l-valuri tat-tagħlim soċjali tagħha li l-Knisja tista’ taqdi l-missjoni tagħha li sservi l-umanita’.
Temi oħra li kienu diskussi waqt il-Konferenza kienu: il-ministeru tal-familja; il-kura pastorali tal-imigranti; preparazzjoni għas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ;  il-protezzjoni tat-tfal fil-Knisja; id-djalogu mal-Musulmani u d-Djalogu Ekumeniku.