Il-ġenb tal-Knisja taż-Żejtun jerġa’ jsir “ġawhra Barokka”

Ġiet inawgurata t-tlestija tar-restawr ta’ 890 metru kwadru mill-faċċata tal-ġenb tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun, li ġie jiswa €98,994.
Il-Ministru għall-Kultura, Owen Bonnici, tkellem waqt din l-inawgurazzjoni li saret ħdejn il-ġenb tan-naħa tan-Nofsinhar tal-Knisja Parrokjali taż-Żejtun, u qal li dal-proġett jista’ jiġi kklassifikat taħt tliet kategoriji prinċipali.
L-ewwel waħda tinkludi x-xogħlijiet kollha li kellhom x’jaqsmu mat-tisħiħ tal-materjal, bħall-konsolidazzjoni ta’ ġebel dgħajjef u r-rinfurzar ta’ kantunieri u pilastri b’teknika ta’ injezzjoni ta’ taħlita bil-ġir, fost affarijiet oħra.
It-tieni kategorija kienet tinvolvi l-operazzjoni tat-tindif li tinkludi t-tneħħija ta’ depożiti suwed li ffurmaw matul iż-żmien taħt il-gwarniċi, it-tneħħija ta’ ħafna ħmieġ tal-ħamiem u xogħol relatat biex jiskoraġġixxi bejtiet fil-futur, u t-tneħħija b’mod delikat u bl-idejn ta’ siment oħxon li kien qiegħed jgħatti ħafna mill-filati ta’ isfel tal-knisja, li kien ukoll qiegħed jikkawża ħsara bil-melħ fil-materjal ta’ maġenbu.
L-aħħar kategorija tkopri x-xogħlijiet kollha mwettqa għad-deċelerazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ deterjorazzjoni li tinkludi t-tiswija tal-coping tad-deffun tal-ħajt tal-parapett, it-tqegħid ta’ deffun ġdid fuq il-ħoġor u l-gwarniċi kollha, u l-użu ta’ plastic repair mortars biex jitnaqqas it-telf ta’ materjal oriġinali.
Il-Ministru temm jgħid li dan ir-restawr kien obbligu tal-Gvern biex tiġi ppriżervata dik li sejħilha “ġawhra Barokka fi ħdan iż-Żejtun.”
Ritratt: DOI – Kevin Abela