Il-ġejjieni f’idejna, issa – Obama

Il-President Amerikan Barack Obama, fil-ftuħ tal-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima, f’Pariġi, feraħ lil dawk li ħadu d-deċiżjoni li l-konferenza ssir xorta waħda, minkejja l-attakki ta’ Pariġi ġimagħtejn ilu, u ddeskriviha bħala “att ta’ sfida” li, madankollu, “iħaddan valuri li jżommna b’saħħitna u ħielsa”.
Dawn it-taħdidiet ta’ ġimagħtejn f’Pariġi huma meqjusa kruċjali għal azzjoni globali dwar il-bidla fil-klima.
Ħafna qed iqisu li jekk din il-konferenza ma jirnexxilhiex tasal għal ftehim maqbul bejn kulħadd, ma jkun hemm ebda impenn internazzjonali li jorbot lill-pajjiżi jieħdu azzjoni dwar il-livelli, dejjem iktar perikolużi, tal-klima.
Fil-konferenza qed jieħdu sehem madwar 150 kap ta’ gvern, stat jew delegat, b’kull mexxej jingħata tliet minuti biex jindirizza lill-bqija.
bama appella biex din tkun okkażjoni li d-dinja tpoġġi l-bidla fil-klima bħala l-fattur li jimmarka dan is-seklu, mhux oħrajn, b’indikazzjoni ċara lejn it-terroriżmu.
Fakkar li l-bidla fil-klima tfisser li bliet jiġu abbandunati, għelieqi ma jibqgħux għammiela, u popli jiġu mġiegħla jiċċaqilqu minn darhom.  
Saħaq li l-ġejjieni jinsab f’idejn dawk kollha miġbura, li jeħtieġ li jaġixxu issa.