Il-GDP jikber b’4.4%

Stimi proviżorji jindikaw li l-Prodott Gross Domestiku (GDP) għall-ewwel kwart tal-2018 ammonta għal €2,795.1 miljun, żieda ta’ €171.0 miljun meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena l-oħra.  F’termini reali dan ifisser li l-GDP żdied b’4.4%.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) din iż-żieda kienet iġġenerata prinċipalment min-nefqa pubblika, fl-amministrazzjoni u d-difiża, fis-sigurtà soċjali, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-attivitajiet ta’ ħidma soċjali.
Il-GDP żdied ukoll minħabba żieda fid-domanda esterna għall-esportazzjoni ta’ prodotti Maltin u ta’ servizzi. Il-konsum lokali żdied ukoll b’6.3%.