Il-ġbir waqt il-Quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se jmur għall-Insara fl-Ukrajna

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ħabbru li l-Knisja f’Malta u Għawdex, se tkun qed tingħaqad mal-Knisja fl-Ewropa biex il-ġbir li se jsir waqt il-quddies kollu matul tmiem il-ġimgħa li ġej, se jmur b’risq l-Insara fl-Ukrajna.
Dan l-att ta’ karità se jkun qed isir fuq talba tal-Papa Franġisku, anke bħala mument ta’ grazzja matul dan il-Ġublew tal-Ħniena.
Dan se jkun “mod kif nerġgħu nqajmu kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it-traġedja tal-faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil-qalba tal-Vanġelu,” qalu l-Isqfijiet huma u jikkwotaw mill-Bolla ta’ Indizzjoni tal-Ġublew, Il-Wiċċ tal-Ħniena.
L-Isqfijiet fakkru fil-kliem tan-Nunzju Appostoliku tal-Ukrajna li ddeskriva l-faqar u t-tbatija kbira li hemm bħalissa fil-pajjiż, speċjalment fost l-anzjani, it-tfal orfni li tilfu l-ġenituri fil-ġlied, dawk bla xogħol u li ma għandhomx biex imantnu l-familja.
“Hija drawwa antika fil-Knisja li l-Insara jwieżnu Nsara oħra li jkunu għaddejin minn mumenti iebsin,” spjegaw l-Isqfijiet waqt li kkwotaw mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani.
Il-Papa Franġisku għamel din is-sejħa waqt ir-Regina Ceoli ta’ Ħmistax ilu.