Il-gazzetta tal-Vatikan tikkundanna l-vjolenza fuq in-nisa

Lucetta Scarafia, esperta tal-istorja, f’artiklu fil-gazzetta tal-Vatikan Osservatore Romano faħħret lill-Papa Franġisku għal diskors li għamel waqt iż-żjara tiegħu fil-Perù l-ġimgħa li għaddiet, u li fih ikkundanna l-qtil tan-nies.
Fl-artiklu tagħha hi kkundannat bil-qawwa kollha l-vjolenza fuq in-nisa.
L-istatistika turi li madwar id-dinja kollha, il-każi ta’ vjolenza fuq in-nisa qed jiżdiedu kuljum.
Fl-Italja, spiss dawn il-każi qed jirriżultaw f’numru ta’ nisa li jispiċċaw maqtula tant li l-mezzi tal-aħbarijiet issa qed jużaw it-terminu “femiċidju” biex jenfasizzaw li dawn il-każi qed jiżdiedu b’mod allarmanti.
Scaraffia hi kontributur regolari fil-gazzetta tal-Vatikan u fl-artiklu tagħha tagħmel distinzjoni bejn il-qtil tan-nisa fl-Amerika Latina u l-akkużi ta’ fastidju sesswali li donnhom saru moda fost l-atturi Amerikani. Tiddistingwi wkoll bejn allegazzjonijiet ta’ fastidju fejn il-mara jkollha ċ-ċans li tirrifjutahom, minn każi oħra fejn il-poter tar-raġel aggressur jagħmilha diffiċli jekk mhux impossibbli li l-mara taħrab minn dawn l-attakki.
Hi ssostni li “hemm differenza kbira bejn mara Amerikana li ġiet ittantata minn xi produttur tal-films u mara li spiċċat stuprata f’nofs ta’ triq fl-Amerka t’Isfel”.
L-ewwel waħda tista’ ssib impjieg ieħor b’kundizzjonijiet anqas umiljanti filwaqt li t-tieni waħda ma’ tista’ tagħmel xejn.
Scaraffia kkundannat il-vjolenza domestika kontra n-nisa li hi mifruxa ħafna fir-Russja, u l-użu sistematiku tal-istupru fil-gwerrer fl-Afrika.
Appellat lill-Insara fil-pajjiżi tal-Amerka t’Isfel biex jistaqsu lilhom infushom “għaliex in-nisa huma vittmi ta’ vjolenza mill-irġiel” f’pajjiżi bi tradizzjonijiet Insara qawwija bħalma huma l-pajjiżi fl-Amerka Latina.
Hu fatt magħruf li l-artikli ppubblikati fl-Osservatore Romano, anke dawk miktuba minn lajċi, ħafna drabi jkunu jirriflettu il-pożizzjoni tal-Knisja fuq it-temi diskussi.